Malta u tliet stati oħra tal-Unjoni Ewropea jitolbu iktar azzjoni diretta fuq l-immigrazzjoni

Malta, l-Italja, il-Greċja, u Ċipru jitolbu miżuri li jipproteġu l-istati tal-Mediterran li jinsabu fil-periferija tal-blokk minn kriżi migratorja simili għal dik tal-2015 bħala konsegwenza tal-kunflitti li għaddejjin fil-Lvant Nofsani

Ritratt: File photo.
Ritratt: File photo.

Membri tal-Unjoni Ewropea indirizzaw il-ħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ miżuri li jipproteġu l-istati fil-Mediterran minn kriżi migratorja simili għal dik esperjenzata fl-2015 bħala konsegwenza tal-kunflitti li għaddejjin fil-Lvant Nofsani.

Fi stqarrija għall-istampa konġunta mibgħuta nhar il-Ġimgħa, Malta, l-Italja, il-Greċja, u Ċipru esprimew it-tħassib partikolari tagħhom bħala stati membri fil-Mediterran li jinsabu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, u dan jagħmilhom l-aktar esposti immedjatament għal flussi migratorji mhux ikkontrollati lejn il-blokk.

L-erba’ mexxejja eżaminaw numru ta’ miżuri potenzjali mmirati lejn is-salvagwardja, jekk meħtieġ u b’rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali, tas-sigurtà u l-ħarsien tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea.

Il-mexxejja ta’ Malta, l-Italja, il-Greċja, u Ċipru insistew fuq l-importanza ta’ avviċinament Ewropew komuni fl-effettività tar-risponsi għal żieda sinifikanti possibbli fil-flussi migratorji mill-Lvant Nofsani.

Filwaqt li insistew fuq l-importanza tal-isforzi kontinwi għal soluzzjonijiet diplomatiċi għall-kunflitt, huma ssottolinjaw ukoll il-ħtieġa li jaħdmu mill-qrib mas-sħab fir-reġjun biex jiżguraw l-appoġġ meħtieġ għall-popolazzjonijiet milquta.

L-erba' pajjiżi inkarigaw lill-ministri rispettivi tagħhom għall-affarijiet tal-migrazzjoni sabiex ikomplu l-koordinazzjoni mill-qrib tagħhom billi jeżaminaw l-aktar modi xierqa biex jintegraw l-isforzi nazzjonali fil-qafas ta' inizjattivi fl-Unjoni Ewropea.

Id-diskussjoni ssegwi l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill Ewropew li rriforma l-avviċinament kollu lejn l-migrazzjoni mill-Unjoni Ewropea f'Patt ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li se jidħol fis-seħħ bis-sħiħ fit-12 ta' Ġunju li ġej.

Il-patt isegwi l-falliment strutturali tar-Regolament ta' Dublin matul il-kriżi tal-migrazzjoni tal-2015, fejn aktar minn miljun refuġjat u migrant waslu fl-Ewropa jfittxu ażil.

Filwaqt li r-regolament kellu l-għan li jipprevjeni lill-applikanti milli jagħżlu l-pajjiż tal-ażil tagħhom jew milli jippreżentaw iktar minn talba waħda għall-ażil, dan irriżulta sabiex l-istati li jinsabu fil-periferija tal-blokk bdew jġorru piż sproporzjonat.

Il-patt se jintroduċi screening obbligatorju fil-fruntieri, l-introduzzjoni ta' sistema aktar stretta rigward "pajjiżi siguri" minn fejn joriġinaw l-immigranti, infurzar tal-kontribuzzjonijiet minn kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea, u proċedura ta' ritorn aġġornata.

Madanakollu, dan il-patt ġie kkritikat bil-qawwi minn osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem minħabba li se jirriżulta f'kooperazzjoni ma' pajjiżi li huma magħrufa għan-nuqqas ta' rispett tagħhom għad-drittijiet umani; fosthom dawk fl-Afrika ta' Fuq bħal-Libja u l-Marokk.

Il-patt jipproponi wkoll l-introduzzjoni ta' ''return hubs'' f'pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea fejn jinżammu l-immigranti sakemm jirritornaw lura fil-pajjiżi minn fejn joriġinaw; fejn huwa maħsub li se jkunu esposti għal kundizzjonijiet iktar inferjuri minn dawk li kienu jkunu esposti għalihom li kieku nżammu fl-Unjoni Ewropea.

Rapportaġġi riċenti minn midja internazzjonali bħal Le Monde u The Washington Post kixfu kif fondi tal-Unjoni Ewropea qegħdin jintużaw minn milizzji fl-Afrika ta' Fuq li ''jwaddbu l-immigranti fid-deżert'' fejn jitħallew esposti għal vjolenza minn kunflitti fis-Saħel, nuqqas ta' ikel u xorb, u abbużi serji bħal ħtif u torturi.

More in Politika