Editorjal | It-trasport tal-massa: Il-karrotta ta’ qabel l-elezzjoni

Fuq l-isfond ta’ elezzjoni li qed toqrob, il-wegħdiet dwar trasport tal-massa reġgħu telgħu fuq quddiem — iżda bejn pjani riveduti, dubji dwar il-finanzi u snin ta’ dewmien, il-mistoqsija tibqa’: viżjoni realistika jew sempliċement zunnarija politika oħra?

F’dak li ħafna qed iqisu huwa lejliet elezzjoni ġenerali, il-Gvern ta’ Robert Abela ħabbar pjan għal sistema ta’ trasport tal-massa. Pjan ieħor. Ħolma oħra? 

Ilna nisimgħu u nitkellmu fuq sistemi ta’ trasport tal-massa sa mill-inqas mill-2018, meta l-PN kien propona trackless trams biex jaġevolaw it-traffiku fit-toroq.  

Fl-2021, il-Gvern kien ippropona sistema ta’ metro. Fuq il-karta, il-proġett deher eċitanti, iżda mill-ewwel kien ċar li lanqas qalb il-Gvern stess ma kienet fih. 

Erba’ snin wara, l-idea ġiet riveduta, l-ispiża tagħha tnaqqset bin-nofs, u ġew ikkummissjonati ħafna studji dwar is-sistema tat-trasport tal-massa, iżda teżisti biss fuq il-karta u l-aħħar pjanijiet għadhom iridu jiġu ppubblikati. 

Lejn l-aħħar tas-sena l-oħra, meta l-idea ta’ sistema ġdida tat-trasport tal-massa reġgħet bdiet tingħata l-attenzjoni, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kien fost dawk li ddubitaw il-vijabbiltà ta’ proġett bħal dan, u wissa li se jiswa biljuni u jeħtieġ bidla kulturali radikali. 

Wieħed jimmaġina li jekk il-ministru tal-finanzi jgħid li m’hemmx finanzi għal proġett tal-gvern, il-gvern jagħti kasu. Iżda le. 

B’elezzjoni ġenerali fuq l-orizzont, proġett bħal dak ta’ trasport tal-massa ma jistax ma jissemmiex. Għax il-politiċi taż-żewġ naħat jafu li dan huwa suġġett għal qalb ħafna nies. Iktar minn hekk, jafu li t-traffiku huwa spiss l-ikbar kawża ta’ inkwiet reġistrata fost l-elettorat fl-istħarriġ. 

Fl-aħħar ta’ Marzu, fuq XTRA ma’ Saviour Balzan, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg wiegħed li l-ewwel rotta ta’ sistema ta’ trasport pubbliku tkun lesta u taħdem fi żmien ħames snin jekk jiġi elett prim ministru. 

Borg qal li l-Partit Nazzjonalista diġà wettaq studji dwar l-għażliet ta’ trasport pubbliku u impenja ruħu li jibda x-xogħol fuq sistema ġdida ta’ trasport fl-ewwel 100 jum tiegħu bħala prim ministru. 

Sfida li Abela ma setax jinjora. 

Il-Prim Ministru mar hu wkoll fuq XTRA l-ġimgħa l-oħra u wiegħed li se jagħmel is-sistema tat-trasport tal-massa ta’ Malta l-prijorità ewlenija tiegħu wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

Hu qal ukoll li ma jixtieqx jara ripetizzjoni ta’ dak li ġara fl-elezzjoni ġenerali tal-2022, meta ż-żewġ partiti ħarġu b’ideat differenti għat-trasport tal-massa. 

Nhar il-Ġimgħa, il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett ħabbar pjan għal linja ta’ ferrovija li tgħaqqad il-Belt Valletta, San Pawl il-Baħar, Mater Dei, Ħal Qormi u l-ajruport, u li mistennija tkun operattiva fi żmien 15-il sena. 

Dan huwa r-riżultat tar-reviżjoni tal-proġett oriġinali tal-2021, li issa qed jgħidu ħa jiswa €3 biljuni, flok €6 biljuni. Pjan ħafna inqas eċitanti minn dak oriġinali. U mill-ewwel il-PN qal li ma jaqbilx miegħu. 

Abela u Borg it-tnejn jafu sew kif jużaw il-karrotta u l-mazza. 

U għalkemm it-tnejn qed joqogħdu ’l bogħod mill-politika tal-kastigi, fil-każ tat-traffiku u l-konġestjoni fit-toroq, Abela u Borg it-tnejn qed jużaw it-trasport tal-massa bħala l-karrotta quddiem l-elettorat. 

Issa f’idejn l-elettorat jagħżel lil min jemmen. U l-għażla mhux se tkun biss min għandu l-aħjar pjan, iżda min miż-żewġ partiti għandu l-ikbar ċans li verament iwettaq il-pjanijiet li għandu jekk jirbaħ l-elezzjoni. 

Għax s’issa l-proġett tat-trasport tal-massa għadu ħolma. S’issa għadu biss zunnarija attraenti li jdendlu quddiem l-elettorat biex jagħmuh u biex jixtruh. 

More in Politika