In-non-voters min huma u x’qed idejjaqhom?

Il-problema tat-traffiku, il-bini sfrenat, il-barranin u n-nuqqas ta’ onestà fil-politika huma erba’ affarijiet li jdejqu lin-non-voter

Fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, iktar minn qatt qabel, numru kbir ta’ persuni eleġibbli biex jivvutaw iżda li qed jinsistu li mhux se jivvutaw, se jkun determinanti għar-riżultat elettorali aħħari.  

Elezzjoni li l-Prim Ministru Robert Abela huwa maħsub li se jħabbarha fil-ġranet li ġejjin.   

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali tal-2022, in-numru ta’ persuni li għażlu li ma jivvutawx kien ta’ 60,000. Sondaġġi riċenti jindikaw li din il-figura tista’ tkun ferm ogħla u tista’ tikkontribwixxi biex il-Labour xorta jirbaħ imma jnaqqas id-distakk mal-PN. 

Il-profil ta’ dawn il-votanti qed joħroġ aktar ċar maż-żmien. Jidher li dawn huma persuni b’edukazzjoni terzjarja jew aktar, jew li huma żgħar fl-età jew inkella fil-kategorija bejn it-tletin u l-ħamsin sena. Il-biċċa l-kbira tagħhom — b’mod speċjali dawk ta’ ċerta età — jgħidu li xi darba kienu vvutaw għall-Partit Laburista. Mhumiex lesti jivvutaw għall-PN jew għal xi partit ieħor, imma jista’ jkun li mhux qed jgħidu dak li għandhom f’moħħhom. 

Ħafna minnhom huma rrabjati bil-politika inġenerali u l-atteġġjament tal-politiċi imma l-iktar fil-gvern, li fuq ħwejjeġ partikolari baqa’ ma wriex kuraġġ jew inkella ġie jaqa’ u jqum mill-weġgħat tan-nies.  

Fosthom hemm sezzjoni mdaqqsa li huma mdejqa bil-politika tal-Gvern marbuta mar-ritmu ekonomiku. Ritmu li ċertament ġab ġid imma wkoll impatt kbir minħabba l-iżvilupp sfrenat li wassal biex Malta u Għawdex ikunu taħt assalt kontinwu. U minkejja dikjarazzjonijiet li l-affarijiet kien se jinbidlu, jidher li ma nbidel xejn u fejn kien hemm problema, minflok ma ċkienet, kibret.    

Jidher ukoll li din is-sezzjoni ta’ votanti huma wkoll imħassba bil-mod kif il-politiċi huma fis-sodda man-negozjanti l-kbar. Tant hu hekk, li ħafna minnhom ma jafdawx aktar lill-politiċi. Hemm sezzjonijiet minn dawn il-votanti li huma wkoll urtati bi problemi serji bħas-servizz tas-saħħa, il-konġestjoni fit-toroq, il-preżenza ta’ barranin kullimkien, u bil-fatt li pajjiżna tilef ħafna mill-karatteristiċi tiegħu.  

Ma’ dawk li huma iżgħar, il-ħsibijiet politiċi tagħhom huma aktar altruwisti, u qed jaraw li l-ebda partit mhu lest biex ipoġġi l-politika bħala prijorità. Dawn huma l-abort, l-ewtanasja, il-kaċċa, u l-Awtorità tal-Ippjanar. 

L-isfortuna għall-Oppożizzjoni mmexxija minn Alex Borg hi li xorta ma jidhirx li hemm fiduċja li l-PN jista’ jegħleb dawn l-isfidi.  

U Borg irid isib il-mod kif jindirizza dawn is-setturi — u jikkonvinċi — biex jirbaħ il-vot tagħhom li tant huma kruċjali biex inaqqas id-distakk jew inkella biex saħansitra jirnexxilu jagħmel dak li ħadd ma jemmen li jista’ jagħmel: li jirbaħ lil Robert Abela. 

More in Politika