Il-Qorti għamlitha ċara lill-avukati involuti fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia li l-publikazzjoni tal-evidenza marbuta ma' din l-inkjesta lill-midja m'għandux iseħħ. B'hekk, l-Imħallef Edwina Grima kkonfermat dak li kienet qalet f'digriet fid-29 ta' Novembru tal-2021, fejn ipprojbixxiet il-publikazzjoni jew it-tqassim ta' dokumenti marbuta mal-każ.
Dan wara li ftit jiem ilu, rapport minn The Shift News kien qal li l-Imħallef kienet iddikjarat li ċ-chats ta' Whatsapp ta' Yorgen Fenech mhux ipprojbiti milli jiġu ppubblikati. L-Imħallef Grima wissiet li ebda dokument fil-każ, sakemm ma jkunx ippreżentat b'mod apert, ma jista' jiġi mqassam fil-midja, inkluż il-midja soċjali, u din it-twissija tgħodd ukoll għall-avukati kollha marbuta mal-każ.
Hija stqarret ukoll li l-Qorti tipprojbixxi li l-avukati jqassmu din l-evidenza lil terzi persuni, anke jekk dawn m'humiex involuti fil-midja, mingħajr permess speċjali mill-Qorti stess.
Din it-twissija ġiet wara li ċ-chats ta' Whatsapp ta' Yorgen Fenech ġew żvelati mill-bogger, Mark Camilleri ftit xhur ilu, fejn żvela ċ-chats ta' Fenech mal-eks deputat Laburista Rosianne Cutajar. B'rabta ma' dan, il-Maġistrat ordnat li l-Pulizija tieħu azzjoni fil-konfront ta' Camilleri.
F'Mejju li għadda, id-direttur maniġerjali ta' MediaToday, Saviour Balzan żvela li l-avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi, prova jirrikattah billi jiżvela chats mill-mobile ta' Fenech. Balzan qal li numru ta' chats bejnu u Fenech qabel l-arrest ġew imqassma lil ġurnalisti u bloggers qabel l-arrest ta' Fenech.
Balzan akkuża lil Azzopardi bħala l-persuna wara dan it-tqassim ta' informazzjoni, hekk kif bħala l-avukat tal-familja, għandu aċċess għall-kull dokument u kull tip ta' evidenza f'dan il-każ.