Attentat biex jisfrattaw il-karriera politika ta’ Fearne, waqt li jinkixfu aktar fatti fil-konfront ta’ Muscat

Fis-saga ta’ Vitals u Stewards, jidher li kullħadd qed jipprova jwaħħal f’ħaddieħor. Infatti r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Vitals għamilha ċara li r-responsabbilita kienet primarjament ta’ Konrad Mizzi u l-Gvern imexxi minn Joseph Muscat

Meta l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi, Carmen Ciantar saret taf bl-akkużi kontriha f’gazzetta Pakistana, ma kinitx fl-uffiċċju tagħha. F’gazzetta Pakistana kien hemm akkuża li Ciantar kienet ħadet 'il fuq minn €400,000 mingħand Ram Tumuluri, il-persuna li kien ġab il-Vitals f'Malta. Ciantar qalet lil dawk li huma viċin tagħha li kienet gidba sfaċċata, infurmat lill-Ministru Chris Fearne li kienet ser tissospendi lilha nnifsha mill-kariga uffiċċjali mal-Gvern, spiċċat bla paga u għażlet li ma tmurx lura għall-kompjuter.

Fl-uffiċċju tiegħu Chris Fearne deher imħasseb, kienet ċara li dan kien attentat ta’ frame up. Fearne huwa kkunsidrat bħala l-iktar persuna idonja għall-Kummissarju Ewropew li jmiss ta’ Malta minflok Helena Dalli.

Uffiċċjali viċin Fearne qalu li huwa kien ċert li l-kampanja kien qed jaġevola min kellu interess inessi mit-taħwid tal-Vitals. U kif ukoll biex id-diskors idur fuq persuni oħra.

Ftit jiem qabel, Muscat li qed jaffaċċja inkjesta maġisterjali dwar il-Vitals kien ukoll f’ċentru ta’ maltempata. Kienet ukoll ġimgħa ħażina għal Muscat bl-aħbar li kien ħa konsulenza minn kumpanija ta’ Johann Schembri, is-sid tad-Dragonara Casino, liema Casino kien irnexxielu jkollu konċessjoni estiża għal 65 sena meta Muscat kien Prim Ministru.

Intant Ram Tumuluri, il-persuna assoċjat ma' Vitals ġie rappurtat li ċaħad li qatt kellu kuntatt dirett ma’ kumpanija li allegatament għamlet €443,500 lil Carmen Ciantar. Anzi Tumuluri stqarr li lanqas ma kien hemm konnessjoni bejnu jew Vitals Global Healthcare mal-kumpanija Għawdxija Gozo International Medicare Ltd, liema kumpanija Għawdxija ġiet irrappurtata li għaddiet mal-€443,500 f’pagamenti lil Ciantar. Fl-ittra, l-avukat ta’ Tumuluri qal li qed iħares lejn kull rimedju legali disponibbli biex inaddaf ismu, fosthom li s-sit ‘Daily Pakistan’ jirtira r-rapport inkwistjoni, u kull sit li rrepeta dak li ġie rrappurtat jagħmel l-istess.

Fis-saga ta’ Vitals u Stewards, jidher li kullħadd qed jipprova jwaħħal f’ħaddieħor. Infatti r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Vitals għamilha ċara li r-responsabbilita kienet primarjament ta’ Konrad Mizzi u l-Gvern imexxi minn Joseph Muscat. Min-naħa l-oħra ma kien hemm l-ebda referenza għal Chris Fearne fir-rapport, anzi indikazzjoni li kien tħalla barra minn kull deċiżjoni importanti ma’ Stewards u Vitals.

Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista qed jinsistu li r-responsabbilita politika taqa' wkoll fuq Robert Abela li kien membru tal-kabinett ta’ Muscat f’dan il-perjodu.

More in Politika