Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech appella quddiem folla kbira quddiem il-Parlament li nġabru fi protesta, sabiex dawk li jappoġjawh ma jaqgħtux qalbhom fil-ġlieda għall-verità, hekk kif issa aktar minn qatt qabel, huwa ż-żmien li l-poplu jingħaqad kontra “l-korrotti”.
Il-protesta quddiem il-Parlament saret fid-dawl ta’ fatti ġodda ppubblikati mill-midja u mill-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet aktar kmieni din il-ġimgħa. Preżenti għaliha kien hemm numru ta’ deputati Nazzjonalisti fosthom Adrian Delia, li kien fetaħ il-każ kontra Vitals fil-Qorti fl-2020.
Quddiem il-folla, Grech stqarr li bħal ħallelin, esponenti tal-gvern, issa qed iduru kontra xulxin. Huwa nnota li qed ngħixu fi żmien “surreali”, iżda issa huwa ż-żmien li toħroġ il-veritá, hekk kif il-poplu Malti xeba’ minn “dan il-Gvern korrott.”
Bernard Grech innota li issa, il-Gvern m’għadux jistaqsi għall-evidenza, iżda sar jitfa’ t-tort fuq ħaddieħor biex isalva lilu nnifsu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni indirizza folla li m’humiex “ħomor jew blu”, iżda ċittadini lesti biex jiġġieldu għal futur aħjar għal Malta.
Meta għamel referenza għal allegazzjonijiet ġodda dwar l-eks Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li llum, hemm evidenza iswed fuq l-abjad li Muscat irċieva eluf kbar ta’ ewro minn Vitals.
Apparti minn hekk, innota kif kull jum li jgħaddi mingħajr arresti b’rabta ma’ dan il-każ, huwa jum ieħor fejn il-Kummisarju tal-Pulizija, Angelo Gafà jitradixxi l-irwol tiegħu li jipproteġi l-poplu Malti.
Waqt id-diskors tal-Kap Nazzjonalista, ta ġieħ ukoll lil Daphne Caruana Galizia, hekk kif innota li tat ħajjitha biex issa nħarġet il-verità li nafu llum, u qal li Caruana Galizia m’għandiex tintnesa’.
Grech qal li nies oħra, fosthom ġurnalisti, is-soċjetá ċivili, Adrian Delia u Simon Busuttil huma fost in-nies li komplew il-ħidma tal-ġurnalista, u kollha taw kontribut biex jiżguraw li hija ma nqatlitx għalxejn.
Filwaqt li nnota li l-Oppożizzjoni tiġi deskritta bħala negattiva biex tiġi msikkta, appella għall-għaqda f’ġieħ pajjiż aħjar, u sabiex l-impunitá ma tirrenjax.
Bernard Grech filwaqt li temm id-diskors tiegħu, saħaq li l-ħidma għadha mhix lesta, u flimkien jista’ jiġi assigurat li ħadd ma jkun jista’ jagħmel li jrid.