Joseph Muscat jiddeskrivi dak żvelat fil-midja bħala 'frame-up'

Muscat iddeskriva dak li ġie żvelat fil-midja bħala "frame-up" u stqarr li min huwa warajha se "jieħdu li ħaqqhom u toħroġ il-verità"

Joseph Muscat ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina b’rabta ma’ rapporti li jixhdu kif, wara li rreżenja minn Prim Ministru, huwa ħadem għal kumpanija marbuta mal-ftehim tal-isptarijiet. Dan wara li ġie żvelat li l-kontijiet bankarji ta’ Muscat qed jiġu investigati minħabba pagamenti li għandhom x’jaqsmu mal-ftehim tal-isptarijiet. 

Huwa mifhum li Muscat kellu kuntratt ta’ konsultazzjoni ma kumpanija fl-Isvizzera li setgħet intużat sabiex jingħaddu fondi marbuta mal-ftehim.

L-Erbgħa filgħodu, il-gazzetta Maltatoday staqsiet lil Muscat dwar il-fatt li kumpanija li kien jirċievi l-flus mingħanda kien jisimha VGH Europe. VGH hija l-kumpanija li l-Gvern leħaq qbil magħha sabiex tieħu f’idejha l-konċessjoni tal-isptarijiet fl-2015.

Fi tweġiba tiegħu, Muscat qal li huwa ma jibżax mill-arrest, u ddeskriva dak li ġie żvelat bħala “frame-up”. Qal li x-xogħol li għamel wara li rreżenja minn Prim Ministru kien kollu dokumentat, u ċaħad li qatt irċieva flus minn korruzzjoni.

Ftit tal-ħin wara, Joseph Muscat kiteb fuq Facebook, fejn iddeskriva dak li ħareġ fil-midja bħala “attakk konċentrat min-nies tas-soltu”, u qal li ta l-evidenza li kellu jagħti lill-Maġistrat ikkonċernata meta ntalab biex jagħti x-xhieda tiegħu.

Huwa allega wkoll li qed jiġu żvelati ċertu dettalji li jkissru l-fiduċja fl-istituzzjonijiet, hekk kif kien ġara meta ġie żvelat li kien qed iseħħ raid fuq id-dar tiegħu.

Muscat tenna li “Min qed jivvinta se jkollu jħallas ta' għemilu bil-ġustizzja”, u li se jara li dawn in-nies "jieħdu li ħaqqhom u toħroġ il-verità."

More in Politika