Il-Gvern jiddiskuti l-mudell ta’ użu tal-kannabis mhux mediċinali mal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi

Fi Vienna, d-delegazzjoni Maltija spjegat li l-mudell regolatorju tagħha huwa msejjes fuq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, is-saħħa pubblika u ‘harm reduction’.

Il-Gvern Malti jinsab f’diskussjonijiet mal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi (INCB) b’rabta ma’ regolamenti għall-kannabis għall-użu mhux mediċinali.

Fi Vienna, delegazzjoni Maltija mmexxija mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Rebecca Buttigieg, spjegat il-qafas regolatorju li diġà jeżisti f’Malta, liema mudell jagħti prijorità lill-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, is-saħħa pubblika u ‘harm reduction’.

Il-liġi marbuta mal-kannabis għall-użu rikrejazzjonali għaddiet f’Diċembru tal-2021, fejn fost l-oħrajn għamlitha possibbli li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu sa seba’ grammi ta’ kannabis u jkabbar massimu ta’ erba’ pjanti f’daru. 

Minkejja dan, sa issa għad m’hawnx sorsi legali minn fejn wieħed jixtri l-kannabis, hekk kif l-awtorità kompetenti għadha ma ħarġitx il-liċenzji neċessarji sabiex wieħed jopera assoċjazzjonijiet tal-kannabis. L-applikazzjonijiet għal-liċenzji għal dawn l-assoċjazzjonijiet infetħu fi Frar li għadda.

Fi stqarrija, intqal li l-laqgħa kienet ikkaratterizzata minn enfasi kbira fuq il-kuntatt kontinwu bejn l-INCB u l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC), kif ukoll l-impenn ta’ Malta biex ikun assigurat li l-mudell regolatorju Malti jibqa’ wieħed flessibbli biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din il-liġi, b’mod speċjali fejn għandu x’jaqsam mal-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg, spjegat kif Malta hija determinata li tkompli tippromwovi dan il-mudell regolatorju għall-użu tal-kannabis ‘il barra minn skopijiet ta’ mediċina, liema mudell jagħmel enfasi li jkun ta’ servizz għas-saħħa pubblika u l-pustizzja soċjali.

Hija qalet kif hija “Sodisfatta ħafna li ftaħna dan id-djalogu mal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi biex niddiskutu kif il-mudell tagħna jista’ jservi ta’ eżempju pożittiv għal pajjiżi oħra. Permezz tal-ARUC, qed naħdmu biex nassiguraw li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu jiġu salvagwardjati, filwaqt li l-isforzi tagħna jiffokaw iżjed fuq l-edukazzjoni u sigurtà għal komunità, aktar milli fuq miżuri punittivi”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-ARUC, Leonid Mckay saħaq fuq l-importanza tad-dekriminalizzazzjoni li twassal għall-protezzjoni ta’ dawk il-persuni li jixtiequ jagħmlu użu mill-kannabis b’mod risponsabbli u mingħajr biża’.

McKay stqarr li l-ARUC għandha r-responsabbilità li f tnaqqas il-ħsara li pejja mis-suq illeċitu, filwaqt li ddaħħal fis-seħħ il-miżuri ta’ prevenzjoni meħtieġa. Qal li dan huwa possibbli, “permezz ta’ qafas regolatorju robust, li ġie stabbilit fil-ġimgħat li għaddew, sabiex jimmonitorja l-użu personali tal-kannabis minn adulti, b’approċċ non-profit li għandu l-għan li jpoġġi lin-nies u l-komunità fiċ-ċentru tal-politika tal-gvern.”

Apparti minn hekk, id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet ma’ delegazzjonijiet minn pajjiżi oħra li qed jesploraw mudelli differenti ta’ regolarizzazzjoni dwar l-użu mhux mediċinali tal-kannabis.

More in Politika