'Tobdux l-ordnijiet illegali ta' Angelo Gafà u Victoria Buttigieg' - Robert Aquilina

Aquilina qal illi diversi ħaddiema fi ħdan il-Korp u l-Uffiċċju tal-AG huma frustrati u qed jikkonsidraw jirriżenjaw mill-impjieg

Il-President ta' Repubblika Robert Aquilina għamel appell lill-uffiċċjali tal-Pulizija u lill-prosekuturi biex ma "jobdux ordnijiet illegali" tal-Kumissarju Angelo Gafà u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg. 

Mistoqsi biex jelabora, huwa qal lil MaltaToday illi qiegħed jiġi ikkuntattjat minn uffiċjali pubbliċi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali "li huma verament imħassba li l-istituzzjonijiet li jaħdmu fihom qed jintużaw biex jiġi iġġenerat l-impunità u l-inġustizzja." 

Huwa qal li dawn il-persuni li għamel referenza għalihom "mhux qed jitħallew li jagħmlu dmirijiethom skont il-kuxjenza tagħhom." Żied ukoll li dawn l-istess ħaddiema tant jinsabu frustrati illi qed jikkunsidraw jirriżenjaw mill-impjieg tagħhom. 

Għaldaqstant reġa' appella biex jaħdmu f'interess taċ-ċittadini u l-ġustizzja u li Repubblika se tkun lesta li tiddefendihom. "Pajjiżna għandu bżonnhom aktar minn qatt qabel u għalhekk nappella biex ma jirriżenjawx biex jgħinuna innaddfu lil Malta mill-abbuż u l-korruzzjoni," temm jgħid Aquilina. 

More in Politika