Tliet Sptarijiet: Il-Gvern iressaq rikors biex l-appell ta' Steward jinstema' b'urġenza

Fir-risposti tiegħu l-Gvern oppona għat-talba ta’ Steward li jitressqu provi u dokumenti ġodda, u f’każ li l-Qorti tilqa’ din it-talba li jitressqu dokumenti ġodda, żamm id-dritt li jkun f’pożizzjoni li jwieġeb għalihom

Il-Gvern ta’ Malta ressaq rikors quddiem il-Qorti biex l-appell li għamlet Steward Malta fil-kawża b’rabta mal-konċessjoni tal-Isptarijiet San Luqa, dak Ġenerali ta' Għawdex u Karig Grech jinstema’ b’urġenza f'dak li sejjaħ "l-interess pubbliku u fl-interess nazzjonali."

Filwaqt li l-Gvern ta’ Malta m’appellax mis-sentenza ta’ nhar l-24 ta’ Frar 2023, mogħtija mill-Imħallef Francesco Depasquale fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, huwa wieġeb għar-rikorsi tas-soċjetajiet Steward, fejn b’kollox tressqu għaxar atti ġudizzjarji.

Fir-risposti tiegħu l-Gvern oppona għat-talba ta’ Steward li jitressqu provi u dokumenti ġodda, u f’każ li l-Qorti tilqa’ din it-talba li jitressqu dokumenti ġodda, żamm id-dritt li jkun f’pożizzjoni li jwieġeb għalihom, anke billi jressaq talba biex jippreżenta dokumenti li ma kinux disponibbli (lanqas kienu jeżistu) qabel l-għoti tas-sentenza. Dan peress li kien hemm żviluppi wara l-għoti tas-sentenza.

Il-Gvern Malti oppona wkoll għat-talba tas-soċjetajiet Steward, li qegħdin jitolbu li l-Qorti tal-Appell Superjuri Sede Ċivili tirreferi l-każ quddiem il-Qrati Ewropej.

Il-gazzetta ILLUM il-Gvern mhux qed jeskludi li jfittex lil Steward Health Care Malta għad-danni, minħabba l-fatt li dawn ma wettqux l-investimenti u l-proġetti li kienu marbutin u kommessi li jwettqu skont il-kuntratt iffirmat, fost raġunijiet oħra. Sorsi qalu wkoll li l-Gvern se jkun qiegħed jevalwa kull kuntratt li sar mill-VGH/Steward u ma jeskludix li jieħu azzjoni, fejn ċertu kuntratti ma jkunux saru kif suppost jew fl-interess tal-poplu. Huma indikaw fost oħrajn kuntratti bħal dawk mogħti lit-Technoline. 

More in Politika