Intervista | ‘Aħna suppost ħadna inqas fondi għax konna ilna mill-2013 b’ekonomija sejra tajjeb’

L-ILLUM tintervista lis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett u tistaqsi fuq kif jitqassmu l-fondi ta’ Malta, min iqassamhom u fuq kollox għaliex kien fiċ-ċentru ta’ kontroversa minħabba l-karozza li ngħatatlu mill-Gvern  

L-ewwel darba li smajna illi proġett huwa iffinanzjat minn Fondi Ewropej? Le. Dan proprju għaliex il-fondi Ewropej f’pajjiżna ma humiex hemm biss għall-proġetti infrastrutturali jew xi restawr ta’ xi kappella f’nofs raħal. Hekk qal is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, f'intervista mal-gazzetta ILLUM.  

Bonett sostna illi l-ħidma tiegħu bħala membru tal-Kabinett, responsabbli minn dan il-qasam huwa li l-Fondi Ewropej jintużaw minn kulħadd. Lil hinn minn hekk l-ILLUM tistaqsih fuq kif se jitqassmu l-fondi li ngħata pajjiżna fl-2020, fuq kif intużaw il-fondi li ngħataw qabel, l-għajnuna li jingħataw l-NGOs u fuq nota differenti, għaliex Bonnet uża l-karozza li ngħatatlu mill-Gvern, biex mar btala.  

‘Sid ta’ negozju żgħir mhuwiex negozjant iżda ħaddiem ukoll’ 

Immaġinak għadek kif xtrajt dar u se tmur tordna l-madum. Tmur għand ħanut u tara mijiet ta’ tipi differenti: Wieħed ileqq, ieħor matt, ieħor ikkulurit u ieħor b’materjal tajjeb ħafna. Ma tistax tgħid li ma tħossokx konfuż. Din hija problema ta’ diversi nies illi jmorru jaraw liema fondi japplikaw għalihom u jekk japplikawx. Bl-istess sentiment, Bonnet saħaq li jkun tajjeb ukoll li “nikkritikaw lilna nfusna, għax xi kultant ma nispjegawx tajjeb biżżejjed x’inhuma l-fondi Ewropej.”  

“Meta inħtart bħala Segretarju Parlamentari u kienu jistaquni fuq il-fondi, pront kienu jikkummentaw li l-fondi qegħdin għall-flyovers. Filwaqt li l-maġġoranza tal-proġetti l-kbar tal-Gvern ġejjin minn fondi Ewropej, dawn qegħdin hemm għal kulħadd. Ma tantx nispjegaw lin-nies x’inhuma l-opportunitajiet tagħhom,” sostna Bonett.  

Hawn waqaf u għamel referenza għall-iskema tal-Business Enhance li hija indirizzata għal negozji żgħar u medji. Fuq hekk huwa qal li ħafna drabi neħduha forgranted illi kull min hu sid ta’ negozju huwa negozjant, iżda Bonett ma jaqbilx.  

“Min għandu negozju żgħir mhuwiex negozjant, iżda huwa ħaddiem tan-negozju tiegħu stess. L-idea tagħna ta’ negozjant huwa ta’ xi ħadd li għandu negozju li jiġġenera l-miljuni, min għandu negozju żgħir, mhuwiex,” qal Bonett.  

Għalhekk żied jgħid li hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn fondi għal proġetti kbar u infrastrutturali u fondi għan-negozjanti fost oħrajn. Tenna għal darb’ oħra li l-fondi huma ta’ kulħadd u m’għandux ikun hemm il-perċezzjoni li huma tal-Gvern. “Għalhekk għażilna l-islogan: L-istorja tagħkom, żgħira kemm hi żgħira, hija l-akbar ambizzjoni tagħna.” 

Għandi sa llum ma nafx kif ġab daqsant fondi’  

L-ILLUM tistaqsi lil Bonett dwar il-fondi li ngħatat Malta u l-proċess ta’ kif ksibnihom. Spjega li l-baġit tal-Fondi Ewropej huwa maqsum fuq ċikli ta’ seba’ snin u fil-każ ta’ Malta, fil-perjodu bejn l-2021 u l-2027, għandha allokati għaliha total ta’ €2.25 biljun. Madankollu Bonett insista, li għalkemm dawn se jintużaw f’pajjiżna, dawn il-flus jibqgħu tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant għandha l-poter eżekuttiv illi tiddeċiedi hi kif flusha se jintefqu.  

Żied li n-negozjati għall-ammont ta’ fondi li jieħu l-pajjiż rispettiv idumu snin, fil-fatt ta’ pajjiżna beda fl-2020 meta faqqgħet il-pandemija. “Bħala prinċipju, l-Ewropa tagħti l-aktar fondi lil min għandu l-aktar bżonn u tieħu minn dak illi sejjer tajjeb. Aħna suppost ħadna inqas għax aħna konna ilna mit-2013 bl-ekonomija tagħna sejra tajjeb,” qal Bonett.  

Qal ukoll illi filwaqt li fil-pandemija l-ekonomija baqgħet sejra tajba kien hemm l-aspettativa li pajjiżna se jieħu inqas flus minn dak li ngħatat fiċ-ċiklu tal-2014/2020.  

“Kien ikun hemm ħafna diskors politiku illi ma konniex se nġibu dak l-ammont. Kienu qed jużaw is-suċċess tagħna kontrina stess. Imma l-Prim Ministru innegozja pakkett ta’ €2.2 biljun u sa’ llum għadni ma nafx kif irnexxielu.”  

‘F’Diċembru lħaqna 80% tal-assorbiment tal-baġit 2014-2020’  

“Mill-baġit preċedenti rnexxielna nagħmlu użu minn 80% tal-baġit allokat fiċ-ċiklu tal-2014 u l-2020,” spjega Bonett.  

Meta mistoqsi liema setturi jagħmlu parti minn dawk l-20% li għad fadal x’jintefqu, Bonett spjega li ma hemmx setturi partikolari iżda li qed isiru diversi proġetti fl-istess waqt u li huma mistennija li jispiċċaw. Dan jinkludi fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa, il-faċilitajiet tal-ferry landings, proġetti ta’ restawr, skejjel u proġetti oħra fi ħdan aġenzija sapport, fost oħrajn. 

‘Għaddejjin diskussjonijiet interni fuq il-mobilità imma dak mhux il-Ministeru tiegħi’  

Filwaqt li huwa tajjeb li nirrikonoxxu l-investimenti infrastrutturali li saru, inkluż dawk fit-toroq, mhux xi sigriet li t-traffiku u l-konġestjoni huma problemi enormi għal ħafna Maltin. Huwa minnu wkoll illi l-Gvern qiegħed iħallas għal trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, iżda biex inkomplu nkunu onesti, dan mhux magħruf għall-effiċjenza tiegħu.  

Għalhekk l-ILLUM iddur fuq is-Segretarju tal-Fondi Ewropej u tistaqsih fuq fondi ippjanati li jmorru għal trasport effiċjenti u alternattiv, fosthom dak bil-baħar.  

Iċċara li, l-ippjanar dwar trasport isir biss mill-Ministeru ikkonċernat. Spjega li meta l-Ministeru iressaq proposti fil-Kabinett u din tiġi approvata, hemm jidħlu l-fondi ewropej.  

Madankollu qal illi bħalissa għaddejin diskussjonijiet interni fuq il-mobilità u sistema ta’ trasport alternattiv. Spjega li la darba jiġu iffinalizzati l-istudji, jibdew id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea. Fakkar ukoll illi jekk ikun il-każ ta’ proġett massiċċ, Malta għandha l-possibilità li tagħmel użu minn fondi diretti, lil hinn minn dawk diġà allokati għaliha. Qal ukoll li l-Kummissjoni qatt ma tiffinanzja l-proġett kollu iżda parti minnu.  

‘Fil-kultura hemm pjanijiet tajbin’  

Filwaqt li Bonett spjega liema huma l-aktar setturi li qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi l-ILLUM staqsietu fejn jixtieq li jinjetta aktar fondi, fil-qasam kulturali. Għal dan huwa wieġeb li bħalissa għaddejjin laqgħat għal proġetti fi ħdan il-Ministeru tal-Kultura – li taħtu jaqa’ wkoll il-Wirt Nazzjonali –  u li permezz tal-proġetti diskussi jemmen li dawn se jkunu qed jutilizzaw il-fondi b’mod tajjeb.  

Fil-fatt huwa għamel referenza għal investimenti fi ħdan il-kommunitajiet tal-karnival, taż-żfin u l-kultura Maltija b’mod ġenerali. “Ftit ġimgħat ilu rajna wkoll il-katalogar diġitali ta’ artefatti ta’ pajjiżna. F’dan il-każ, il-Ministeru għamel użu mill-fondi Norveġiżi.”  

Bonett issa jagħmel referenza għall-NGOs li wkoll hemm fondi allokati speċifikament għalihom. Fil-fatt bejn l-2014 u 2020, 237 NGO ibbenefikat minnhom.  

‘X’għamilt ħażin? Il-karozza kienet tiegħi’  

Bħalma għidna qabel, Bonett huwa wiċċ ġdid fix-xena politika iżda s-siġġu Parlamentari jġib miegħu numru ta’ responsabiltajiet u teħid ta’ deċiżjonijiet importanti. Dawn l-istess deċiżjonijiet jinkludu wkoll dawk etiċi u mhux biss jekk hux se jivvota kontra jew favur xi mozzjoni. Kien għalhekk li l-ILLUM fakkret lil Bonett f’numru ta’ kontroversji, anke jekk żgħar, li huwa kien fiċ-ċentru tagħhom ftit xhur ilu.   

F’Novembru tal-2022, kien irraportat li Bonett intlemaħ f’Pozzallo bil-karozza ministerjali u kienu ħafna li qajmu furur. Iżda skont Bonett, huwa ma għamel xejn ħażin.  

“Jiena għandi karozza mħallsa bħal kull Ministru ieħor u bħal kull Segretarju Permanenti ieħor. Qrajt ir-regolamenti u l-manwal u ma kien hemm xejn li jgħid il-kontra. Din ingħatat lili,” qal Bonett.  

Kien hawn li l-ILLUM ġibditlu l-attenzjoni u qaltlu illi qam furur proprju għaliex għamel użu mill-karozza għall-użu personali u mhux waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Hawn irrimarka li huwa ma telax bin-number plates tal-Gvern u ħallas assigurazzjoni privata hu, “kieku għamilt dan u tlajt bix-xufier, ngħid iva, għandek raġun u nkun abbużajt mis-sistema.”  

Huwa insista li huwa proprju għal din ir-raġuni għaliex ried li jiġi appuntat il-Kummissarju tal-Istandards biex jiċċara jekk huwa naqasx jew le. Sandanittant huwa jtenni li ma għamel xejn ħażin u li sussegwentament ħadd mill-Gvern ma qallu li għamel xi ħaġa ħażina.  

Spjega li l-karozzi tal-Gvern huma mikrija u jħallas tagħhom, ta’ kuljum. “Meta tawhieli qaluli li din hija l-karozza personali tiegħi u użajtha.”  

“Jien qed nitlob xi ħaġa verament ġusta, li jgħiduli x’għamilt ħażin,” żied Bonett.  

Din il-gazzetta tinnota illi l-kwistjonijiet ta’ Bonett dejjem jibdew meta jkun sejjer għal xi btala. Fil-fatt l-ILLUM tistaqsi wkoll fuq – dak deskritt minnu bħala – “l-kjass" li nqala fuq titjira tal-Air Malta.  

“Kull min jafni, jaf li jiena persuna sempliċi ħafna. Minix bniedem li naqla l-inkwiet. Dak tal-Air Malta kien inċident sfortunat u ingħatajt tikketta fuqha, meta jien kont vittma wkoll,” qal Bonett.  

Huwa spjega li xhur qabel ma kienet mistennija t-titjira kien ibbukkja sett ta’ biljetti: Għalih, għall-mara u għaż-żewġ uliedu. Dakinhar tat-titjira ingħataw postijiet differenti, “b’tifel ta’ sentejn bilqegħda n-naħa l-oħra tal-ajruplan.” Qal illi huwa ġibed l-attenzjoni dwar dan l-iżball u għaldaqstant ingħataw seats ħdejn xulxin. Ġara iżda li meta poġġew bilqegħda ġew persuni oħra li kellhom l-istess seat tagħhom.  

“Li ma ġiex irraportat kien li biex l-istorja tikkalma jien qomt minn posti u mort x’imkien ieħor. Sfortunatament ma ġietx irraportata għax l-istorja kienet li kien hemm Segretarju Parlamentari li tkessaħ,” sostna Bonett.  

Dwar dan huwa wkoll reġa’ tenna l-importanza tal-Kummissarju tal-Istandards, illi “meta jiġi l-Kummissarju nurih il-biljetti tiegħi, nispjegalu x’ġara u niċċara li jien ma kellix x’naqsam ma dan kollu.”  

Mistoqsi jekk jaħsibx li dawn “l-inċidenti” setgħux tappnulu r-reputazzjoni, propju fil-bidu tal-karriera Parlamentari tiegħu, “nispera li le. Għax jekk tħares lejn iż-żewġ stejjer, tinduna li ma għamilt xejn ħażin.”  

“Mhux ġust illi xi ħadd jgħid il-verżjoni tiegħu ta’ x’ġara, tiġi ippubblikata storja mingħajr ħadd ma jiċċekkja l-fattu u nagħmlu l-ħsara lil dik lil persuna jew lill-familja tiegħu,” temm jgħid Bonett. 

More in Politika