Mark Camilleri jgħid li l-PL ma jistax jibqa' fil-poter għax ma għandu ebda viżjoni għajr li jitħanżer

Mark Camilleri - f'messaġġ minn barra minn Malta - qal illi l-għan komuni bħalissa għandu jkun li jkollna normalità fil-pajjiż, billi l-Labour ma jibqax fil-Gvern

Mark Camilleri
Mark Camilleri

"Il-Prim Ministru Robert Abela qed iżomm mal-kriminali. Robert Abela qed jagħmel ħsara kbira lill-partit u lill-pajjiż." Hekk sostna Mark Camilleri llejla waqt protesta organizzata minn Repubblika propju bħala sinjal ta' appoġġ lejh wara li l-Qorti ordnat li tittieħed azzjoni kriminali kontrih hekk kif ippubblika eluf ta' chats bejn Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar. 

Camilleri qal li Abela qed "jitlef moħħu" biex issa saħansitra qed jiddefendi lil Cutajar u sostna li dan għamlu forsi għax ma jafx xi ħsara qed issir lill-pajjiż u lill-Partit Laburista. Camilleri kien pjuttost aħrax fi kliemu dwar l-istat tal-Partit Laburista bħalissa, li ddeskrivih bħala "diżastru." 

"Għalkemm jiddispjaċini li qed ikissruh lil-Labour, issa ma hemmx iktar pretensjonijiet u teatrini - qed jagħmluha ċara li huma kriminali u qed jiddefendu lill-kriminali. Qatt ma mmaġinajna li l-PL se jispiċċa f'dan id-diżastru. Il-Labour irid jitkisser u jinbena mill-bidu," kompla jisħaq Mark Camilleri. 

Huwa qal li minkejja d-dfifferenzi kollha li jista' jkun hemm bejn in-nies li qed jitkellmu dwar din il-kawża, huwa qal li l-priorità hija li jkollna Gvern normali u mhux kriminali. "In-numri hemm qegħdin, irridu koalizzjoni ta' nies li jridu pajjiż normali u jekk tinstab is-soluzzjoni l-Labour ma jerġax jitla' fil-Gvern."

Camilleri qal li waqt li l-Labour qed "ikompli jitkisser, bħala Maltin irridu naraw kif se nerġgħu nibnu mill-ġdid," sostna f'messaġġ telefoniku lill-folla preżenti. 

Huwa temm jisħaq li l-Partit Laburista ma jistax jibqa' fil-poter, għax ma għandu ebda għan u viżjoni għajr li jitħanżer. "L-għan komuni bħalissa huwa li jkollna normalità, il-politika narawha wara," temm jgħid Camilleri. 

'Malta ma għandhiex titmexxa mill-kriminali' - Manuel Delia

Manuel Delia qal li llum qegħdin f'sitwazzjoni fejn min jaqla' ċitazzjoni jgħid, 'tiegħi raw u mhux ta' Keith Schembri, Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Yorgen Fenech.' Huwa qal li filwaqt li l-pulizija ilhom sebgħa snin "jibilgħuh f'għajnhom" fuq il-Panama Papers, lil Mark Camilleri sigħat ħadu qabel ma bdiet tittieħed azzjoni fil-konfront tiegħu. Huwa qal li fiċ-chats hemm ħafna nies li - skont hu - Yorgen Fenech "xtara" biex ifotti lill-poplu. 

"Bil-wiċċ tost kollu tiġi tgħid li se titħanżer, għax kulħadd jitħanżer qiegħed... Għidli x'jibqa' fik, tkun ilek għomrok temmen il-gideb is-Super One u issa tiġi Rosianne Cutajar tgħidilna li trid titħanżer għax ħaddieħor hekk qed jagħmel." 

Delia sostna li huma bosta dawk - inkluż Laburisti u xellugin - li jemmnu li Malta ma għandhiex titmexxa mill-kriminali. 

More in Politika