Il-PM fi Brussell jiddiskuti t-tibdil fil-klima, l-gwerra u l-ekonomija waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew

Illum mexxejja Ewropej ipparteċipaw ukoll fil-Euro Summit fejn fost oħrajn iddiskutew is-sitwazzjoni finanzjarja tal-membri tal-UE

Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela

Matul il-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa, fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew u l-Euro Summit, flimkien mal-mexxejja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea. F’dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi temi ta’ importanza, fosthom il-gwerra fl-Ukrajna, l-ekonomija, il-kompetittività u s-Suq Uniku tal-Unjoni Ewropea u l-enerġija.

Il-Ħamis, il-mexxejja Ewropej iltaqgħu mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres, fejn iddiskutew diversi kwistjonijiet komuni għall-Unjoni Ewropea u għan-Nazzjonijiet Uniti. Waqt din id-diskussjoni, il-Prim Ministru tkellem dwar it-tibdil fil-klima fejn tenna li l-gvernijiet, l-istituzzjonijiet privati u l-istakeholders għandhom jingħaqdu flimkien biex jindirizzaw din l-isfida globali. Huwa semma kif Malta qed taħdem fuq ir-riforma fis-sistemi tat-trasport, l-industrija u l-enerġija fejn il-Gvern qed jassigura li l-għażliet li jniġġsu anqas isiru aktar aċċessibbli u orħos għall-individwi.

Waqt id-diskussjoni dwar il-gwerra fl-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea affermat li se tkompli tassisti lill-Ukrajna anke fir-rigward tar-rikostruzzjoni tal-istess pajjiż. Abela tenna li l-istati membri flimkien ma’ msieħba strateġiċi u istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jgħinu fil-proċess ta’ rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Saħaq ukoll li Malta se tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja lill-Ukrajna, filwaqt li enfasizza li kull min qed iwettaq ir-reat tal-aggressjoni għandu jibqa’ jinżamm responsabbli.

Dwar it-tema tal-ekonomija, il-kompetittività u s-Suq Uniku tal-UE, il-mexxejja ddiskutew il-mixja lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u kif jista’ jkompli jiġi xprunat l-investiment. Issemma wkoll kif is-Suq Uniku kkontribwixxa kemm għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll żied il-kompetittività.

Fost il-punti li qajjem Abela waqt din id-diskussjoni, semma li hemm stati membri, speċjalment dawk fil-periferija tal-Unjoni Ewropea, li diġà jinsabu fi żvantaġġ minħabba l-insularità tagħhom u għaldaqstant jiffaċċjaw sfidi addizzjonali. Kompla li Malta tiddependi fuq konnessjonijiet marittimi u tal-ajru biex tiġi żgurata konnettività mal-bqija tal-Ewropa u mad-dinja. Għaldaqstant, huwa tenna li t-trasport kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri għandu jibqa’ affordabbli għall-istati membri kollha.

Waqt l-istess diskussjoni, spjega wkoll li Malta tħares ’il quddiem biex tara l-pjanijiet tal-Kummissjoni dwar prodotti mediċinali, li se jiġu ppubblikati dalwaqt. Tenna li l-aspettattiva ta’ pajjiżna hi li l-Unjoni Ewropea tassigura d-drittijiet tal-Maltin u tal-Għawdxin biex jibbenefikaw ukoll mis-Suq Uniku fil-qasam tal-mediċina.

Dwar l-enerġija, ġie maqbul li tkompli l-ħidma li tiggarantixxi sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi prezzijiet affordabbli. Abela semma li Malta qed tkompli tassigura kontijiet tal-enerġija stabbli fejn qed tistabbilizza l-prezzijiet tal-enerġija għall-familji u għan-negozji permezz ta’ sussidju li jlaħħaq il-biljun ewro fuq is-sena l-oħra u din is-sena.

Intant illum il-mexxejja Ewropej ipparteċipaw fil-Euro Summit fejn iddiskutew is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-membri stati tal-UE.

More in Politika