Trid tieħu self fuq id-depożitu, biex tixtri post? Issa se jiżdied l-ammont li tista' tieħu

L-estensjoni ta' din l-iskema se tara li persuni jistgħu jieħdu self sa massimu ta' €22,500 

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ħabbar illi l-Gvern se jkun qiegħed jgħolli l-ammont tas-self mingħajr imgħax fuq id-depożitu tal-10% lill-first-time buyers. 

Galdes spjega li l-Gvern se jkun qed jgħolli d-depożitu massimu li lesta tkopri l-Awtorità tad-Djar minn €17,500 għal €22,500. Dan ifisser li l-first-time buyers li jibbenefikaw minn din l-għajnuna, issa se jkunu jistgħu jakkwistaw proprjetà li l-valur tagħha jista' jlaħħaq l-€225,000. 

L-għan ta' din l-iskema, li tnediet fl-2020, hi li tgħin lill-first-time buyers li għandhom inqas minn 40 sena, li minkejja li huma eliġibbli għas-self tal-bank fuq proprjetà, ma jkollhomx il-likwidità meħtieġa biex iħallsu d-depożitu meħtieġ ta' 10% fuq l-iffirma tal-konvenju biex b'hekk isiru sidien ta' darhom. 

Intant il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li sal-lum, din l-iskema diġà għenet aktar minn 200 familja jsiru sidien ta' darhom u permezz ta' dan it-tisħiħ se jibqgħu jippremjaw il-bżulija u jassiguraw li din l-iskema tkun kapaċi tilqa' għan-neċessitajier tas-snin li ġejjin. 

Il-Ministru tenna kif din l-iskema hija parti minn kullana ta' għajnuniet differenti li l-Gvern qiegħed joffri biex aktar persuni jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jsiru sidien ta' darhom, fosthom: 

  • Eżenzjoni fuq it-taxxa tal-boll; 
  • Għotja ta' €15,000 jekk il-proprjetà tkun fil-qalba ta- raħal f'Malta jew €30,000 jekk il-proprjetà tkun fil-qalba ta' raħal f'Għawdex;
  • Għojta ta' €10,000 b'pagament ta' €1,000 fis-sena, fuq medda ta' 10 snin.

More in Politika