Min għandu t-tort fuq il-VGH? 14.5% jippuntaw is-swaba’ lejn Muscat

Tliet Sptarijiet. €300 miljun f’konċessjoni. Proġetti ta’ riġenerazzjoni li ma saru qatt... Din hija s-saga tal-VGH jew Steward Healthcare, kif trid issejħilha. Iżda min hu l-perċimes wara dan kollu?

Tliet Sptarijiet. €300 miljun f’konċessjoni. Proġetti ta’ riġenerazzjoni li ma saru qatt... Din hija s-saga tal-VGH jew Steward Healthcare, kif trid issejħilha. Iżda min hu l-perċimes wara dan kollu? Skont is-sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM wieħed minn kull seba’ persuni, jiġifieri 14.5%, jemmnu illi t-tort huwa ta’ Joseph Muscat, dak iż-żmien Prim Ministru, filwaqt li 1.1% ippuntaw is-swaba’ lejn Robert Abela.  

F’dan is-sondaġġ ukoll, li staqsa min kien responsabbli għall-iksandlu tal-Vitals, kienu 14% li saħqu li t-tort tal-kuntratt “frawdolenti” tal-VGH ma kien ta’ ħadd ħlief tal-Kabinett tal-2015, li fih jinkludi lil Muscat, lill-eks Ministru Konrad Mizzi u lill-eks Chief of Staff Keith Schembri.  

Minn dan is-sondaġġ irriżulta wkoll illi ftit aktar minn 27% qablu illi t-tort huwa ta’ kulħadd u dan jinkludi wkoll lill-Prim Ministru Robert Abela. Il-maġġoranza ta’ dawn kienu votanti Nazzjonalisti b’43.8% u ż-żgħażagħ b’31.9%, jiġifieri dawk tal-etajiet bejn is-16 u l-35 sena.  

Tajjeb li nfakkru illi l-kwistjoni tal-Kabinett– u x’responsabilità seta’ kellu biex din il-konċessjoni ingħatat, diġà qajmet l-irwiefen bejn il-membri tal-Kabinett ta’ dak iż-żmien. Dakinhar li ħarġet is-sentenza, Muscat sostna illi l-istadji kollha fil-konċessjonijiet tal-Isptarijiet saru b’diskussjonijiet kontinwi u deċiżjonijiet dokumentati tal-Kabinett. Iżda dan ma tantx niżel tajjeb mal-eks Ministru Evarist Bartolo, li irribatta li Muscat kien qiegħed juża lill-Kabinett bħala paraventu għall-proġett tal-VGH.  

Muscat jingħata aktar tort minn Mizzi filwaqt li Keith Schembri bilkemm jissemma’ 

Dan is-sondaġġ juri biċ-ċar illi bejn Muscat u Mizzi, l-eks Prim jibqa’ l-aktar persuna li jingħata tort. Dan hekk kif 2.6% tal-parteċipanti taw tort lil Mizzi, perċentwal ferm iżgħar minn dak ta’ Muscat.  

Intant għandna nsemmu wkoll il-fatt illi f’dan is-sondaġġ kienu ftit illi taw it-tort lil Keith Schembri. Iżda dan is-sondaġġ jindika illi filwaqt li l-parteċipanti kollha li għandhom ‘l fuq minn 36 sena ma jagħtuh ebda tort, 1.1% taż-żgħażagħ ma jaħsbuhiex l-istess. L-uniku grupp ta’ parteċipanti li ħassu dan l-istess sentiment kienu biss dawk li ivvutaw preċedentament lil Partit Nazzjonalista (PN), b’0.9% u dawk illi kieku jkollha tfaqqa’ elezzjoni issa jivvutaw lil PN, b’1%.  

Notevolment ukoll dawk li l-maġġornaza ta’ dawk li jagħżlu li jivvutaw lill-PN fil-preżent, jiġifieri, b’43.8%, jgħidu illi t-tort huwa ta’ kulħadd inkluż ta’ Robert Abela.  

U Robert Abela? X’jgħid l-elettorat?  

Il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jinsisti, illi huwa ma kellu ebda involviment u ma kienx konsulent legali tal-Kabinett meta ngħatat il-konċessjoni. F’dan is-sondaġġ irriżulta illi 0.6% tan-nies li jivvutaw lill-Partit Laburista (PL) li kieku kellha ssir elezzjoni illum, li jemmnu li Abela għandu tort. Min-naħa l-oħra 2.5% taż-żgħażagħ jgħidu illi t-tort huwa tal-Prim Ministru Abela.  

Punt interessanti huwa illi filwaqt li b’mod ġenerali 1.1% attribwew it-tort lil Abela, l-ebda mir-residenti Għawdxin, tat-Tramuntana u tat-Tramuntana tal-Port ma jemmnu li t-tort huwa ta’ Abela. Filwaqt li dan ma jmurx wisq ‘il bogħod mill-fehma ġenerali naraw li reġjonalment, l-aktar li jaraw li għandu tort kienu fin-Nofsinhar tal-Port u fix-Xlokk, żewġ reġjuni li l-maġġoranza tagħhom huma iddominati mir-residenti laburisti, b’2.6% u 2.9% rispettivament. Min-naħa l-oħra kienu 1.9% tar-residenti tal-Punent li ippuntaw s-swaba’ lejn Abela.  

Simili għal dan ukoll, kieku 1.27% ta’ dawk illi ivvutaw lil PN fl-aħħar elezzjoni li jemmnu li Abela kellu tort. Perċentwal illi tela’ għal 1.5% għal dawk li jivvutaw lil PN f’każ ta’ elezzjoni issa.  

Mizzi, Muscat, Abela jew kulħadd? “Ma nafx!”  

Filwaqt li s-saga tal-VGH ilha għaddejja kważi l-maġġoranza tas-snin li l-PL għamel fil-Gvern u li urtat bil-kbir lil ħafna Laburisti ġenwini li jemmnu fih, numru ta’ parteċipanti xorta waħda jemmnu li din il-konċessjoni mhi tort ta’ ħadd, anke jekk il-Qorti tgħid mod ieħor.  

Ftit aktar minn 10.6% jemmnu li wara din il-ġrajja tal-għajb, mhemm ħadd b’idejh imċappsa. Fil-fatt dan in-numru jikber aktar, kif mistenni, għal 30% tal-parteċipanti Laburisti. Għandna nirrimarkaw ukoll illi 13.3% ta’ dawk illi ma jagħtu tort lil ħadd huma persuni illi għandhom ‘il fuq minn 65+ li jista’ jiġi attribwit għall-fatt illi ħafna persuni avvanzati fl-età huma aktar leali lejn il-partit tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-ebda parteċipant li jivvota lill-PN issa ma jemmen li ma huwa tort ta’ ħadd. 

U finalment, f’dan is-sondaġġ jiddomina l-fatt illi minkejja l-istejjer li smajna fl-aħħar ġimgħat għad hemm min mhuwiex ċert minn kien il-perċimes. Fil-fatt kważi 30% tal-parteċipanti għadhom indeċiżi. Hawn nerġgħu naraw l-aktar qbil fost il-Laburisti b’51.6% b’kuntrast man-Nazzjonalisti b’3.2% li jgħidu illi ma jafux.   

More in Politika