266 tifel u tifla qed jingħataw l-imħabba ta' familja wara li għaddew minn proċess ta' fostering

Fl-aħħar ħames snin, kien hemm medja ta’ 30 foster placement, bil-għan li jkun hemm aktar fiż-żmien li ġej, sabiex jitqajjem iktar għarfien dwar il-fostering

Fil-preżent, 266 tifel u tifla qed jgħixu ma’ familja, dan wara li jkunu għaddew minn proċess ta’ fostering u qed jingħataw trobbija u mħabba li t-tfal kollha jixraqilhom li jkollhom. Fl-aħħar ħames snin, kien hemm medja ta’ 30 foster placement, bil-għan li jkun hemm aktar fiż-żmien li ġej, sabiex jitqajjem iktar għarfien dwar il-fostering.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt it-tnedija ta’ kampanja li tħeġġeġ aktar il-fostering u li qed titmexxa mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS).

Il-Ministru Falzon tkellem dwar kif il-Gvern baqa’ kontinwament isaħħaħ diversi miżuri li jgħinu lill-foster carers u lill-familji tagħhom. Huwa semma wkoll li ttieħdu diversi passi importanti favur familji li qed jiffosterjaw u li jixtiequ jadottaw it-tifel jew it-tifla, li jkunu taħt il-ħarsien tagħhom. Hawn ġie spjegat li l-foster care allowance jibqa’ jingħata lill-familji li jadottaw lit-tifel jew lit-tifla li jkunu ffosterjaw, bl-allowance jonqos gradwalment fuq perjodu ta’ erba' snin, jew sakemm it-tifel jew it-tifla jagħlqu 21 sena.

B’żieda ma’ dan, il-familja li tkun qed tadotta, xorta waħda tkun intitolata għal għotja ta’ rifużjoni fuq l-ispejjeż relatati mal-adozzjoni lokali, li bħalissa tlaħħaq sa €1,000, kif ukoll mill-pagament tal-benefiċċji tat-tfal, f’każ ta’ adozzjoni ta’ tfal taħt is-16-il sena.

“Kommessi li nkomplu l-ħidma tagħna fis-settur tant importanti tal-fostering. Ejja nkomplu nagħtu ambjent, għożża u mħabba ta’ familja lil kull tifel u tifla. Fl-istess waqt inkomplu nsaħħu l-livell u l-faċilitajiet fir-residenzi tat-tfal f’pajjiżna li huma wkoll qed jagħtu trobbija pożittiva”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon

Il-Ministru Michael Falzon
Il-Ministru Michael Falzon

More in Politika