Deċiżjoni li ma ssirx kritika lejn Muscat hekk kif il-Gvern jaf ikollu jistenna xhur biex jieħu l-isptarijiet lura

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM sostnew li hemm tħassib u anke inkwiet fiċ-ċrieki tal-Gvern li s-sitwazzjoni se tibqa' ttul fil-Qrati u fl-istess waqt il-Gvern

Il-Gvern ikollu jistenna ġimgħat jekk mhux xhur qabel ma jieħu l-isptarijiet f’idejh. Dan hekk kif huwa ċar li Steward Heathcare mistennija tappella d-deċiżjoni tal-Qorti li kienet mill-aktar skjaċċanti fil-konfront tagħha u li saħansitra akkużat lill-Kumpanija li kienet mogħtija konċessjoni ta' tliet sptarijiet bi frodi u anke gideb. Il-Qorti sostniet li l-imġieba tal-kumpanija kienet frawdolenti meta - skont il-Qorti - innegozjat sabiex tara  illi titħallas €100 mijun jekk jitwaqqa' il-kuntratt - anke jekk ma tonorax it-tragwardi tal-kuntratt, kif fil-fatt ġara. 

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM sostnew li hemm tħassib u anke inkwiet fiċ-ċrieki tal-Gvern li s-sitwazzjoni se tibqa' ttul fil-Qrati u fl-istess waqt il-Gvern huwa obbligat li jibqa' jħallas lil Steward Healthcare sabiex ma jkunx qed jikser il-kuntratt u jwassal għal talba minn Steward sabiex tingħata l-€100 miljun imsemmija fil-kuntratt. Dan apparti li jekk il-Gvern iwaqqaf dan il-ħlas, il-kumpanija twaqqaf il-ħlas tal-pagi lill-ħaddiema, qalulna s-sorsi. 

Għalhekk il-Gvern - kif fil-fatt diġà ħabbar - se jkun qed jitlob li dan il-każ jinstema'  b'urġenza. 

Dan apparti li l-Gvern jidher illi se jkun qed iħabbar proġett marbut ma' dawn l-isptarijiet, speċjalment f'dak ta' San Luqa li prattikament hemm partijiet minnu li qed jaqgħu biċċiet. Għalhekk l-appell li mistennijin iressqu Steward huwa mifhum li se jkompli jiggrava s-sitwazzjoni.
Intant, l-istess sorsi sostnew li internament fil-Gvern hemm rabja għal Joseph Muscat, minħabba mod kif sar dan il-ftehim, "imma minħabba l-biża' li Muscat għad għandu popolarità ma segwaċi tal-Labour, hemm deċiżjoni li Muscat ma jiġix kkritikat."

Muscat sostna f'reazzjoni għal dan il-kuntratt li l-akkużi ta’ frodi fis-sentenza kienu fil-konfront ta’ Steward Healthcare u mhux fil-konfront tiegħu jew il-Gvern li kien immexxi minnu. “Barra minn hekk ma hemmx referenza għall-korruzzjoni,” żied Muscat.

Huwa qal li l-fatt li l-konċessjoni tal-isptarijiet ġiet diskussa u ttieħdu deċiżjonijiet dwarha numru ta’ drabi fil-Kabinett, mhux xi ħaġa ġdida, “fil-fatt dan huwa inkluż tabella li tinsab fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali u li l-Qorti għamlet tagħha.”

Huwa sostna li l-Kabinett minn dejjem għandu sistema stabbilita ta’ skrutinju legali tad-deċiżjonijiet li jittieħdu.

“Jiena personalment nissemma fis-sentenza darbtejn. L-ewwel fejn jingħata rendikont tax-xhieda tiegħi, li dwarha l-Imħallef ma sabx kummenti kuntrarji x'jagħmel. It-tieni fejn l-Imħallef jikkwota parti minn din ix-xhieda fejn għidt li l-konċessjonarji ma kienux wettqu dak kollu mistenni minnhom,” żied jgħid Muscat.

Fl-aħħar huwa qal li r-raġuni għaliex l-Imħallef ħassar il-konċessjoni “kienet biss li fil-fehma tiegħu, il-konċessjonarji ma wettqux dak mistenni minnhom.”

Tenna wkoll li jilqa’ kull tip ta’ skrutinju ulterjuri li jista’ jkun hemm wara dak li sar mill-Awditur Ġenerali u mill-Qorti.

 

More in Politika