Grech jwiegħed appoġġ lill-Gvern jekk jiftaħ kawża kontra Steward biex jieħu l-flus li ħallashom lura

'Imissek tistħi' qal Bernard Grech diversi drabi fil-konfront tal-PM Robert Abela u anke l-PL

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li huwa jkun wara l-Prim Ministru biss jekk jiftaħ kawża kontra Steward Healthcare sabiex jieħu l-flus lura li ta lil din il-kumpanija, f'kuntratt li issa ġie ddikjarat null mill-Qrati. "Iftaħ il-kawża kemm jista' jkun malajr u sakemm tagħmel dan se tibqa' ssibna fit-toroq," qal Grech. 

Huwa akkuża lil Muscat illi poġġa lil Robert Abela u Abela poġġa lil Angelo Gafa' "għax riedu jibqgħu jerdgħu." Il-Kap Nazzjonalista sostna li l-Gvern ma tistax tafdah ghax kellu pjan wieħed biss li beda meta fetħu l-kumpaniji fil-Panama. "Illum mhux talli kixfithom Daphne Caruana Galizia, mhux talli jikxfuhom il-ġurnalisti, mhux talli jkompli jikxifhom il-PN, talli bil-kawża ta' Delia l-Gvern daħal fi sqaq."

Grech sostna lill-eluf preżenti, li wieġbu għas-sejħa tal-PN għall-protesta nazzjonali, li l-poplu qed jgħid "issa daqshekk" u saħaq illi jekk Abela qed jaħseb li mhux se jsib lill-PN quddiemu għax "ħataf il-PBS, il-midja u l-istituzzjonijiet" sejjer żbaljat.

Huwa qal li kuljum aktar nies qed jifhmu li l-Gvern ma jistax jibqa' jagħmel li jrid. "Il-Qorti tatna sentenza storika u bla preċedent, b'ċertifikat b'saħħtu qaltlilna li din tal-isptarijiet kienet serqa u ħadma, biex flimkien ma' ftit nies dawk li kienu għadhom imexxu l-pajjiż ixxaħħmu biex iddaħlu l-flus fil-but," qal Grech. 

Huwa kompla jgħid li llum kulħadd jaf li ftit nies fil-Gvern flimkien mal-VGH/Steward ħadu €400 miljun li ħaduhom minn fuq is-saħħa, minn fuq iż-żgħir "biex tawhom lill-kbir." Huwa sostna li l-Labour sar partit ta' dawk li jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu b'kulħadd u akkuża lill-Gvern illi ħataf l-istituzzjonijiet biex jibqa' jaħseb li jista' jagħmel li jrid. Grech qal li allura huwa għalhekk importanti li l-PN jibqa' isemma leħnu u jiftaħ dirgħajh għal nies li qed jifhmu li l-poplu jixraqlu aħjar. 

Huwa qal li jgħid kemm jgħid li l-Labour huma korrotti u ħallelin ma jiftħux libell wieħed, "għax jafu li dik hija l-verità."

Grech sostna li l-Gvern seraq lill-pazjenti, lill-anzjani li qed jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-katarretti, serqa tad-dinjità tal-pazjent u qal li jekk il-Gvern verament irid jagħmel xogħlu għandu jagħlaq il-vit lil VGH/Steward Healhcare.

"Imisskom tistħu. Tliftu il-ġieħ, tliftu l-prinċipji Soċjalisti stess," qal Bernard Grech. 

'Aħna ħa nibqgħu niġġieldu' - Adrian Delia

Intant id-Deputat Adrian Delia qal illi dan il-kuntratt qed jiswa' €20,000 kull persuna biex il-kumpanija ma għamlet xejn, filwaqt li x-shareholders jisirqu." Huwa staqsa min awtorizza il-flus li ħarġu mill-BOV biex jinsterqu l-pensjonanti, liż-żgħażagħ li ħafna minnhom qed jaqtgħu qalbhom mill-pajjiż, lill-intraprendituri u saħansitra lill-marid, it-tobba u anke l-infermiera li fakkar illi din il-ġimgħa qalu illi ġew umiljati mill-Gvern. 

"Issa nafu kemm serquna... X'se nagħmlu? X'se nagħmlu mil-lum 'il quddiem? Min se jerfa' responsabilità? Min se jġib l-€400 miljun lura? Il-poplu għandu messaġġ wieħed: Tuna flusna lura," sostna Delia għall-għajjat tal-folla li "tal-Labour ħallelin."

Huwa qal li hemm eluf ta' Laburisti li huma rrabjati jew ingannati u traduti, tant li qal illi minn barra serq u frodi, "dan kien l-akbar tradiment tal-poplu." Adrian Delia staqsa kif il-PM Abela jista' qatt jgħid li qed jiddefendi l-interessi tal-poplu meta hu kien qed jiffefendi dan il-proġett, kif jisħaq li għamel ukoll l-eks PM Joseph Muscat qablu. Saħaq ukoll li l-Gvern minkejja dak li qed jgħid, baqa' jagħtihom il-flus - sa €80 miljin biss fl-aħħar baġit. 

"Aħna ħa nibqgħu niġġieldu," wiegħed Adrian Delia li sostna illi l-mixja trid tkun kollettiva, ta' poplu li jrid ġustizzja u li jirbaħ is-sewwa fuq il-ħażen. "Dak li ġara fil-Qrati u fil-Parlament u dak li qed jiġri llum, hemm bżonn jibqa' jikber ġurnata wara oħra," temm jgħid, Delia li appella lill-eluf preżenti biex jagħmlu kuraġġ. 

More in Politika