“Fl-2019, il-Partit Laburista għadda minn perjodu diffiċli ħafna. Kellna mexxej illi irriżenja u Abela, meta laħaq mexxej, kellu deċiżjonijiet ibsin ħafna. Iżda li sar tajjeb ma jintrema qatt.” Hekk qal is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett waqt il-programm Mill-Kamra.
Dan qalu waqt dibattitu mal-Whip u d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar u li matulu ddiskutew il-kuntratt iddikjarat “frawdalenti u null” tal-Vitals Global Healthcare (VGH).
Huwa sostna illi l-Gvern ma għandu l-ebda problema jindirizza l-affarjiet li għandhom bżonn l-attenzjoni, “bħalma għamilna qabel. Huwa l-poplu li jiġġudika lil min iridlu l-ġid fil-qasam tas-saħħa u s-setturi tas-soċjetà tagħna.”
Aktar kmieni huwa sostna li fl-2013, meta l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, “il-paladini tas-saħħa ħallew mandra fis-settur tas-saħħa u aħna ma niħdux pariri mingħandhom.”
Għal dan Cutajar irribatta li dan huwa atteġġjament arroganti u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech mar fil-Parlament bid-deċiżjoni tal-Qorti f’idu, “għax il-Qorti tatna raġun.”
Cutajar qal illi s-sentenza tal-VGH hija l-unika waħda fl-istorja ta’ pajjiżna u li kieku ġrat f’xi pajjiż ieħor bħalissa diġà saru diversi riżenji. Kien hawn illi l-preżentatur u l-editur ta’ din il-gazzetta Albert Gauci Cunningham staqsa lil Cutajar proprju min għandu jirriżenja u kif se tintrefa’ r-responsabilità li l-Partit Nazzjonalista, tant ilu jisħaq għaliha.
“Il-Prim Ministru għandu jerfa’ responsabilità politika, issa kif u x’jagħmel, dik jaraha hu,” qal Cutajar. Bħalma tennew l-Kap tal-Oppożizzjoni u d-Deputat Adrian Delia fil-Parlament, Cutajar qal illi l-poplu Malti jrid lura “dawk it-€300 miljun lura. Din m’hix kwistjoni ta’ aħmar u blu.”
Bonett ġie mistoqsi wkoll għaliex il-Gvern ma ħax azzjoni qabel ma ħarġet is-sentenza tal-Imħallef Francesco Depasquale u għal dan huwa sostna illi llum “għandna l-hindsight għax nafu x’ġara u nistgħu nimxu minn hemm.”
Huwa insista wkoll illi l-Gvern baqa’ jħares l-interess tal-ħaddiema kollha tat-tliet sptarijiet: Ta’ Karin Grech, ta’ St Lukes u dak Ġenerali ta’ Għawdex. Qal ukoll illi l-Gvern baqa’ jiżgura li l-pazjenti jibqgħu jingħataw l-kura.
Matul dan id-dibattitu, imeżewwaq b’ħafna argumenti jaħarqu, Cutajar fakkar lil Bonett illi filwaqt li Abela ma kienx Prim Ministru meta saret il-konċessjoni, fl-2020 il-PN kien ressaq mozzjoni biex jingħataw l-isptarijiet lura. Fakkar ukoll illi Bonett kien ivvota favur il-baġit, li fih Steward Healthcare ingħataw aktar flus.
“Dakinhar il-membri kollha tal-Gvern ivvotaw kontra l-mozzjoni. Ftit ġimgħat ilu wkoll ivvutajna l-estimi tas-saħħa. Tkellimna u għidna li jekk il-membri tal-Gvern se jivvotaw favur il-miljuni għas-saħħa, parti minn dawn kienu se jingħataw lill-ħallelin, lill-frodisti,” qal Cutajar.
Fl-aħħar tal-programm Gauci Cunningham għamel referenza għal dak li qal id-Deputat Karol Aquilina nhar it-Tnejn li għadda, meta fl-indirizz tiegħu lil kull membru tal-Gvern, qalilhom li huma frodisti. Għal dan Bonnet qal illi “irridu nimmodernaw daqsxejn it-toni u l-aġġettivi fil-konfront ta’ xulxin. Jekk xi ħadd għandu xi akkużata fil-konfront tiegħi jagħmilha, iżda jissostanzja l-akkuża.”