'Qed naraw każ wara ieħor fejn il-Gvern qed jabbuża iżda l-Kummissjoni Ewropea tibqa' ma tħarrikx'

Il-Kandidat Peter Agius jagħmel appell pubbliku lill-President tal-KE Von der Leyen dwar 'il-ksur tal-liġijiet Ewropej mill-Gvern Malti'

Il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-MEPs Peter Agius għamel appell pubbliku lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Von der Leyen biex din ma' tibqax tagħlaq għajn waħda "fuq il-ksur ta’ liġijiet Ewropej mill-Gvern Malti." Huwa sostna illi l-poplu Malti irrabjat li l-Ewropa ma tħarrikx fuq il-ksur tad-drittijiet Ewropej.

"L-abbuż tal-flejjes mit-taxxi Maltin mhux qed jikser biss il-liġi Maltija iżda wkoll dik Ewropea. Qed naraw każ wara ieħor fejn il-Gvern qed jabbuża u jikser prattikament kull artiklu tad-Direttiva Ewropea dwar il-Public Procurement iżda l-Kummissjoni Ewropea ma tħarrikx," qal Agius. 

Dan qalu fid-dawl tas-sentenza tal-Vitals, illi fiha l-Imħallef Francesco Depasquale iddikrajaha "null" u li l-konċessjoni hija waħda "frawdalenti"

Huwa spjega f’Mejju u f’Ottubru 2021 kiteb lil Von der Leyen biex il-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-ksur tal-liġi tal-akkwist pubbliku f’Malta. Talab biex jiġu investigati l-konċessjoni tal-VGH/Steward Healthcare "li ngħatat mingħajr trasparenza u b'konfoffa minn qabel mal-Vitals. Dan sar bi ksur serju tad-Direttiva Ewropea dwar il-Public Procurement. Is-servizzi ta' Von der Leyen ħarbu mid-domandi li ressaqtilhom u qalu illi m'għandhomx biżżejjed informazzjoni biex jipproċedu minkejja li għaddejtilhom ukoll ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li jispjega l-fatti bl-aktar mod ċar." 

Huwa qalilha wkoll li japrezza l-għajnuna u l-ħidma tagħha, bħala President tal-Kummissjoni Ewropea, biex pajjiżna jkun jista' jaffronta l-effetti ekonomiċi u anke biex noħorġu mill-pandemija,"jeħtieġ però niġbed l-attenzjoni tiegħek u tas-servizzi tiegħek li mal-Maltin u l-Għawdxin qed tidhru b’saħħitkom maż-żgħir iżda dgħajfa u impotenti mal-kbir."

Agius temm l-appell tiegħu lill-President Von der Leyen billi qal li l-poplu Malti qiegħed jistenna ħafna aktar mill-Ewropa. "Tiddeluduhx!" 

More in Politika