'Id-deċiżjoni li Degiorgio jitħalla joħroġ mill-ħabs kienet waħda insensittiva u li qatt ma kellha tkun'

Il-Ministru Byron Camilleri sostna li s-soċjetà, il-vittmi u l-familji tagħhom ukoll għandhom drittijiet li m'għandhomx jiġu minsija

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri sostna li d-deċiżjoni li Degiorgio jitħalla joħroġ mill-ħabs "kienet waħda insensittiva u li qatt ma kellha tkun."

Dan qalu b'risposta għall-mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Laburista Randolph Debattista fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Debattista għamel dan b'referenza għal dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela waqt attività politika, jiġifieri li d-deċiżjoni li Degiorgio jinħareġ mill-ħabs kienet "waħda mill-aktar deċiżjonijiet insensittiva li setgħet ittieħdet."

George Degiorgio, wieħed minn dawk misjuba ħatja tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, tħalla joħroġ mill-ħabs nhar il-Ġimgħa li għaddiet biex jattendi festin tal-magħmudija. Ftit xhur ilu stess Degiorgio ngħata sentenza ta’ 40 sena priġunerija wara li ammetta li qatel lil Caruana Galizia. Infakkru wkoll li ftit ġimgħat ilu nstab ħati wkoll ta’ ħasil ta’ flus, li minħabba f’hekk ingħata erba’ snin priġunerija oħra. 

Intant Camilleri saħaq li l-messaġġ huwa ċar ħafna, illi filwaqt li persuna li qed tiskonta sentenza ta' priġunerija għandha d-drittijiet tagħha, is-soċjetà, il-vittmi u l-familji tagħhom għandhom d-drittijiet tagħhom ukoll "u bl-ebda mod għandhom jiġu minsija." 

More in Politika