Iħallu lil George Degiorgio joħroġ mill-ħabs biex jattendi festin tal-magħmudija

Degiorgio, li ammetta li qatel lil Daphne Caruana Galizia, ħareġ legalment u ngħata l-permess mill-awtoritajiet

George Degiorgio, wieħed minn dawk misjuba ħatja tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jitħalla joħroġ mill-ħabs nhar il-Ġimgħa li għaddiet biex jattendi festin tal-magħmudija.

Ftit xhur ilu stess Degiorgio ingħata sentenza ta’ 40 sena priġunerija wara li ammetta li qatel lil Caruana Galizia. Infakkru wkoll li ftit ġimgħat ilu nstab ħati wkoll ta’ ħasil ta’ flus, li minħabba f’hekk ingħata erba’ snin priġunerija oħra.

Din l-informazzjoni ġejja minn rapporti ta’ The Times of Malta li juru diversi ritratti tiegħu mal-membri tal-familja. Rappreżentant ta’ Degiorgio insista li kollox sar b’mod legali u bir-rekwiżiti kollha u l-permessi tal-awtoritajiet ikkonċernati.

Fil-fatt huwa kien akkompanjat minn skorta speċjali biex iżomm għajnejh fuqu.

Intant il-familja ta’ Caruana Galizia qalet li “hija tal-mistħija li George Degiorgio, wieħed mill-persuni li qatlu lil Daphne, ingħata permess biex joħroġ mill-ħabs biex imur festin, ftit xhur wara li ngħata 40 sena priġunerija.”

“Id-direttur tal-ħabs għandu jiftakar li l-vittma u l-familja tagħha għandhom id-drittijiet ukoll. Pajjiżna għandu jara li jsaħħaħ is-sistema tal-ġustizzja kriminali u dik tal-ħabs,” qalet il-familja filwaqt li qalet li din uriet nuqqas ta’ rispett kbir.

More in Politika