Kostruzzjoni: Abbozz li se jara li kull kuntrattur ikun liċenzjat biex ikun jista' jopera

Il-Gvern mistenni jressaq abbozz ta' liġi - l-ewwel tat-tip tiegħu -  li jirregola l-qasam tal-kostruzzjoni

Sorsi qrib il-Gvern li tkellmu mal-illum.com.mt ikkonfermaw illi l-Gvern beħsiebu jirregola il-qasam tal-kostruzzjoni, wara taħdidiet intensivi mal-istakeholders fil-qasam. "Sax-xahar id-dieħel se jkollna abbozz li jirregola l-liċenzjar tal-kuntratturi," spjega dan is-sors. L-istess sors sostna li l-Gvern jirrikonoxxi l-importanza tal-kostruzzjoni fl-ekonomija imma jifhem ukoll il-bżonn li jkun hemm - għall-ewwel darba -  regolamentazzjoni fejn jidħol il-liċenzjar tal-kuntratturi.

"Għad għandna regolamenti dwar liċenzja ta’ bennejja li jmorru lura aktar minn mitt sena. Għall-ewwel darba il-kuntratturi li jaħdmu fil-kostruzzjoni se jkollhom bżonn liċenzja biex ikunu jistgħu joperaw," żvela dan is-sors.

Intant dwar l-Awtorità għal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) jidher li l-Gvern se jkun qiegħed jaħdem sabiex aktar nies ikunu infurmati dwar l-irwol tal-istess awtorità li tinforza u twaqqaf ix-xogħol fejn ikun hemm periklu għal terzi u fejn ix-xogħol ma jkunx qed isir skont dak approvat fil-method statements. 

Fl-aħħar ġimgħat il-BCA anke bdiet sensiela ta’ laqgħat ma’ Kunsilli Lokali biex tfissrilhom ir-remit tagħha u jkunu jafu fejn iridu jirrikorru meta jkunu jridu jirrappurtaw irregolaritajiet fil-qasam tal-kostruzzjoni.

More in Politika