Emenda Abort: Il-koalizzjoni ta' kontra l-abort tisħaq li ilha minn Diċembru tiġi injorata mill-Gvern

Il-Koalizzajoni qalet li ilha mill-1 ta' Diċembru titlob għal-laqgħa urġenti iżda qalet li baqgħet qatt ma rċeviet risposta

Il-Koalizzjoni Int Tista' Ssalvani - li sostniet illi hija appoġjata minn 80 espert u 25,000 persuna li ffirmaw petizzjoni kontra l-emenda li ressaq il-Gvern u li titratta t-tqala - qalet illi kemm id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kif ukoll il-Prim Ministru Robert Abela qed iwegħdu li ser issir konsultazzjoni li titratta proprju din l-emenda. 

Fil-fatt il-koalizzjoni tgħid li skont rapporti fil-midja Fearne qal li l-Gvern se jkollu laqgħat dwar l-abbozz ta' liġi dwar l-abort ma' "firxa wiesgħa" ta' stakeholders sal-ġimgħa d-dieħla jew ta' wara.   Fakkru wkoll li l-Prim Ministru ġie kkwotat jgħid ukoll li l-Gvern se jiltaqa' ma' kulħadd biex jifhem it-tħassib u l-biżgħat ewlenin ippreżentati mill-emenda u jipprova jifhem kull tħassib dwar kif din tista' tiġi abbużata.

Il-Koalizzajoni qalet li ilha mill-1 ta' Diċembru titlob għal-laqgħa urġenti iżda qalet li baqgħet qatt ma rċeviet risposta. Intant fi stqarrija il-Koalizzjoni sostniet li jekk il-Gvern irid ġenwinament jikkonsulta, jrid jisma' l-vuċijiet ta' kulħadd u mhux biss dawk favur l-abort, "filwaqt li jinjora kompletament il-Koalizzjoni Int Tista Isalvani u l-Grupp ta' 80 Espert appoġġjat minn aktar minn 25,000 petizzjonant."

Miriam Sciberras, Chairperson tal-Koalizzjoni, qalet li bil-kelma "kulħadd" tifhem dawk kollha li għandhom opinjoni dwar is-suġġett. Fl-istqarrija jingħad li hija ħasra li l-Ministru Fearne "għażel li jpinġi t-tħassib ġenwin u razzjonali ta' tant Maltin bħala 'hype and frenzy' sempliċiment għax ma joqogħdux fuq il-kelma tiegħu."

Il-koalizzjoni tisħaq li Fearne għandu jagħraf li l-proposta attwali għandha periklu u potenzjal li tiġi abbużata u li "sempliċiment bidliet kożmetiċi u l-kliem ieħor biex iserraħ l-moħħ min-naħa tiegħu ftit li xejn ibiddlu dan."

Il-Koalizzjoni u l-Grupp ta' esperti qalu li jinsabu impenjati li jippreżentaw proposti li jiżguraw il-protezzjoni tal-ommijiet f'sitwazzjonijiet ta' theddida għall-ħajja. Dan filwaqt li jiżguraw li l-ħajja tat-trabi mhux imwielda tkun protetta mir-riskju ta' terminazzjoni "għal kwalunkwe raġuni mhux ġustifikata taħt it-terminu wiesgħa tal-kelma "saħħa".  Dan ikun sempliċement abort fuq talba," temmet issostni il-Koalizzjoni

More in Politika