Mill-14 ta' April: Se jsir obbligatorju li tissepara l-iskart u minn Ottubru jibdew il-multi

Dan ifisser li mhux se tkun tista’ tarmi skart organiku fil-borża s-sewda, iżda trid tpoġġih bilfors fil-borża l-bajda. L-istess jgħodd għall-iskart riċiklabbli, bħall-plastik u karti u materjali oħrajn...

Illum ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern żewġ avviżi legali li ser idaħħlu fis-seħħ is-separazzjoni mandatorja tal-iskart, wara li f’Novembru li għadda l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mexxiet proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dawn ir-regoli ġodda.

Xahrejn wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, fl-14 t’April li ġej, is-separazzjoni tal-iskart se ssir mandatorja għal kulħadd, kemm għan-negozji, għaqdiet u entitajiet governattivi, kif ukoll għall-iskart li jinġabar mid-djar.

Dan ifisser li mhux se tkun tista’ tarmi skart organiku fil-borża s-sewda, iżda trid tpoġġih bilfors fil-borża l-bajda. L-istess jgħodd għall-iskart riċiklabbli, bħall-plastik u karti u materjali oħrajn, li ma jistax jintrema aktar fil-borża s-sewda, iżda trid bilfors tpoġġih fil-borża l-griża biex ikun jista’ jiġi riċiklat. Il-ħġieġ ukoll ma jistax jitpoġġa fil-borża s-sewda jew fil-griża, iżda jrid jiġi sseparat għalih u jinġabar kull l-ewwel u t-tielet Ġimgħa tax-xahar, hekk kif diġa fis-seħħ.

adankollu, sabiex il-pubbliku jidra dawn ir-regolamenti ġodda, fl-ewwel sitt xhur, bejn April u Ottubru ta’ din is-sena, l-awtoritajiet se jiffokaw fuq l-edukazzjoni u l-għarfien ta’ din il-liġi ġdida.

Waqt dan il-perjodu, dawk li jinqabdu jarmu l-iskart fil-borża l-ħażina, ser jingħataw twissija. Wara dawn is-sitt xhur, minn Ottubru, dawk li jinqabdu jarmu l-iskart fil-borża l-ħażina jistgħu jeħlu multi ta’ €75 għan-negozji u €25 għall-iskart mid-djar u organizzazzjonijiet mhux kummerċjali. Dawn il-multi jirduppjaw għal €150 u €50, rispettivament, jekk tinqabad tarmi l-iskart ħażin b’mod ripetut.

Uffiċjali tal-ERA u ta’ entitajiet oħrajn se jibqgħu jagħmlu spezzjonijiet kontinwi fit-toroq f’kull lokalità sabiex jiġi żgurat li l-boroż tal-iskart jinħarġu barra d-djar fil-ġranet tajbin u li l-iskart jiġi sseparat fil-boroż differenti kif stipulat fir-regolamenti l-ġodda. Dan anke wara li fil-bidu ta’ Jannar li għadda l-kunsilli reġjonali, li huma responsabbli mill-ġbir tal-iskart mid-djar f’isem il-kunsilli lokali, bdew joperaw skeda ġdida nazzjonali għall-ġbir tal-iskart.

Minbarra l-ġbir tal-iskart bieb bieb, ir-residenti f’Malta u Għawdex jistgħu jkomplu jużuw ukoll metodi oħrajn, fosthom l-iskart riċiklabbli fl-ibins u l-bring in sites, fir-roadshow truck u s-civic amenity sites ta’ WasteServ Malta, kif ukoll is-servizz ta’ ġbir ta’ skart goff tal-kunsilli lokali.

More in Politika