"Il-mewt tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni fuq il-post tax-xogħol saret ħaġa ta’ kull xahar filwaqt li kull sena jweġġgħu eluf fis-siti tal-kostruzzjoni." Hekk sostnew membri tal-Moviment Graffitti fi protesta li fakkret il-mewt ta' żagħżugħ ta' 20 sena - Jean Paul Sofia - li miet f'inċident fuq il-post tax-xogħol u miegħu weġġgħu ħamsa oħra.
Xahrejn ilu nstab il-katavru ta’ Jean Paul Sofia ta’ 20 sena taħt it-tifrik ta’ bini mġarraf f’Kordin. Weġġgħu serjament ħames ħaddiema oħra f’dak l-inċident, tlieta minnhom b’mod kritiku. Tliet snin ilu biss, fit-2 ta’ Marzu 2020, Miriam Pace nqatlet fid-dar tagħha wara li l-bini li kienet tgħix fih iġġarraf b’riżultat ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni f’sit biswit.
"Dawn mhumiex inċidenti traġiċi iżda konsegwenza inevitabbli ta’ sistema maħsuba biss biex taqta’ l-ġuħ għall-profitt li għandhom l-iżviluppaturi u n-negozji fis-settur tal-kostruzzjoni, ġuħ li ma taqtgħu b’xejn," qalu l-membri tal-Moviment Graffitti. Sostnew li l-imwiet ta’ Jean Paul Sofia, Miriam Pace, u tal-ħaddiema kollha tal-kostruzzjoni li mietu fuq il-post tax-xogħol tagħhom, setgħu jiġu evitati.
Filwaqt li nnutaw b’diżappunt kbir li għadu ma tressaq ħadd b’rabta mal-mewt ta' Jean Paul Sofia, saħqu li l-ġustizzja ta’ veru għall-vittmi kollha tal-industrija tal-kostruzzjoni ser tasal biss meta jiġu indirizzati l-fatturi sistemiċi li wasslu għal dawn l-imwiet. Għalhekk saħqu illi huma jappoġġjaw is-sejħiet li saru għal inkjesta pubblika dwar il-mewt ta' Jean Paul Sofia sabiex "insiru nafu min huwa responsabbli u biex joħorġu fil-beraħ ukoll il-fallimenti sistemiċi tas-sistema mnawwra li għandna bħalissa."
Graffitti akkużat lill-awtoritajiet illi ppermettew maratona fuq oħra ta’ bini f’kuntest nieqes mill-iktar regolamentazzjoni bażika u qafas ta’ infurzar li jħares lill-ħaddiema u lir-residenti.
"Wara l-kollass ta’ binja wara oħra fl-2019 u l-mewt ta’ Miriam Pace fl-2020, il-gvern wiegħed serje ta’ riformi fis-settur. Traġikament, ir-riforma mwiegħda wara l-mewt ta’ Miriam Pace irriżultat biss f’tibdil kożmetiku ħafif."
Dwar dan l-aħħar punt Graffitti sostniet li l-liċenzjar tal-kuntratturi, baqa’ ma daħalx fis-seħħ li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni li twaqqfet sentejn ilu malajr "saret awtorità oħra li ma tiffunzjonax għaliex inħatfet mill-interessi tal-iżviluppaturi u saret waħda mill-awtoritajiet l-oħra li issa drajna bihom fis-settur tal-ambjent u l-ippjanar."