Operazzjoni biex jitneħħew kwantitajiet kbar ta' skart mormi illegalment f'wied ħdejn l-Imdina

Fl-2022, is-sid responsabbli avviċina lill-Awtorità u esprima l-intenzjoni li jindirizza l-avviżi ta’ infurzar maħruġa fuq is-sit... Madankollu, minflok neħħa l-materjal kif miftiehem, matul l-aħħar ġimagħtejn, is-sid tefa’ aktar materjal fuq il-post.

L-operazzjoni għaddejja biex jitneħħa l-iskart mormi illegalment
L-operazzjoni għaddejja biex jitneħħa l-iskart mormi illegalment

L-Awtorità tal-Ippjanar dalgħodu neħħiet kwantitajiet kbar ta’ materjal mormi illegalment fuq art bejn l-Imdina u l-Imtarfa.

Is-sit, li jinsab f’żona skedata bħala Area of High Landscape Value li tipproteġi l-Imdina, ikopri spazju ta’ madwar 7,000 metru kwadru.

Il-firxa u l-fond konsiderevoli tal-materjal mormi illegalment modifikaw il-profil ta’ din il-parti tal-wied, u kkawżaw impatti negattivi fuq is-sensittività taż-żona. Għalkemm ir-rimi kien waqaf għal diversi snin, reġa beda ftit wara trasferiment tal-art fuq sidien ġodda. Għalhekk, l-Awtorità kienet imġiegħla toħroġ aktar avviżi ta’ infurzar, soġġetti għal multi ta’ kuljum, li taw struzzjonijiet lis-sid tal-art biex ineħħi l-materjal mormi illegalment.

L-Awtorità ħadet ukoll azzjoni diretta biex tissiġilla l-aċċessi għas-sit. Sadanittant, is-sid kien applika biex jipprova jikseb permess ta’ żvilupp biex iżomm il-materjal mormi illegalment fuq il-post. Madankollu, din l-applikazzjoni ġiet miċħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar, u ġie miċħud ukoll appell li sar quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar.

Fl-2022, is-sid responsabbli avviċina lill-Awtorità u esprima l-intenzjoni li jindirizza l-avviżi ta’ infurzar maħruġa fuq is-sit. Il-PA qablet ma’ proċess pass pass li assigura li r-rimi illegali eċċessiv jitneħħa mis-sit mis-sidien stess. Madankollu, minflok neħħa l-materjal kif miftiehem, matul l-aħħar ġimagħtejn, is-sid tefa’ aktar materjal fuq il-post.

Peress li s-sid injora l-avviżi u t-twissijiet ta’ infurzar, l-Awtorità daħlet biex tieħu azzjoni diretta biex tneħħi r-radam illegali, fejn l-ispejjeż kollha jiġu assorbiti mill-persuna li kisret il-liġi. It-trakkijiet bil-materjal mormi nġarru f’siti liċenzjati għall-immaniġġjar tal-iskart filwaqt li ġiet trasportata ħamrija tajba biex tinfirex fuq art agrikola eżistenti. Qabel bdiet din l-operazzjoni, l-Awtorità kkoordinat mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex tiżgura li l-materjal jiġi mormi skont il-liġi.

It-Tim tal-Azzjoni Diretta fi ħdan l-wtorità qed jiġi assistit minn membri tal-Korp tal-Pulizija. 

More in Politika