Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qed jibda elenku ta' laqgħat mal-partijiet kollha interessati, mhux l-inqas l-imsieħba soċjali u anke mal-Partit Nazzjonalista u l-ADPD għal konsultazzjoni fuq livell nazzjonali dwar bidliet li l-Gvern u l-Ministru għall-Infrastruttura Aaron Farrugia jixtiequ illi jimplimentaw biex tibda tkun indirizzata l-problema tat-traffiku.
Mal-ILLUM il-Ministru Farrugia qal illi l-Gvern jixtieq illi jiddiskuti bidliet importanti u kruċjali fit-trasport pubbliku, fil-fatt fuq dan il-front diġà bdew diskussjonijiet ukoll mal-operaturi nfushom - Il-Malta Public Transport.
Imma x'bidliet jixtieq illi jara l-Gvern?
Farrugia qal li hu jirċievi ilmenti kontinwi dwar tal-linja li ma tasalx fil-ħin jew fuq rotot partikolari u qal illi għalkemm titjib sar, għad fadal ħafna xi jsir sabiex in-nies jibdew jaqilbu l-użu ta' trasport privat għal dak pubbliku. "Huwa ta' xejn li nippromovu t-trasport pubbliku jekk imbagħad ix-xarabank tieqaf fit-traffiku, mal-karozzi l-oħrajn" qal mal-ILLUM. Għalhekk f'dawn il-laqgħat huwa se jkun qed imexxi 'l quddiem proposta biex ċerti kareġġjati jsiru bus lanes, imma li din issir wara diskussjoni u bil-mod.
"Nibdew mill-jum tal-Ħadd u naraw kif tmur, imbagħad forsi nibdewha s-Sibt jekk tmur tajjeb u forsi niġu f'sitwazzjoni fejn anke t-Tnejn - ġurnata meta eluf jibdew ġimgħa xogħol jew skola - jkollna karreġġjati għal tal-linja u jkunu jistgħu jiġu introdotti bus lanes jekk in-nies jaqilbu għal dan il-mezz ta' trasport," qal Farrugia. Huwa ssottolinea l-fatt li l-Gvern mhux qed jimponi din il-miżura imma jrid jiddiskuti biex jara l-pajjiż għandux imur f'din id-direzzjoni jekk irid jibda jsolvi l-problema tat-traffiku.
"U din tal-bus lanes hija biss parti mis-soluzzjoni," kompla jgħid filwaqt li saħaq illi l-Gvern irid illi jkun hemm diskussjoni wkoll dwar ir-rotot. "L-aħħar li saru r-rotot kien fl-2014, kważi 10 snin ilu. Wasal iż-żmien li naraw x'bidliet jistgħu jsiru," sostna l-Ministru Farrugia mal-ILLUM.
Fuq dan il-punt temm jgħid illi huwa jrid li d-diskussjoni tmur lilhinn mill-partiġġajniżmu u tkun waħda li verament tfittex is-soluzzjonijiet.
Lilhinn minn hekk u f'riflessjoni wkoll ta' dak li qal waqt intervista li dehret fuq The Sunday Times il-Ħadd li għadda, mal-ILLUM il-Ministru Aaron Farrugia qal illi hemm bżonn ukoll li ssir diskussjoni - waqt dawn il-laqgħat li se jkun qed jorganizza - biex ikun diskuss il-ħin li fih jingħataw ċerta servizzi, biex b'hekk jitnaqqas it-traffiku ta' filgħodu.
"Nibdew mill-Gvern stess," jibda Farrugia. "Naraw ċerta servizzi minn Dipartimenti għaliex għandhom jingħataw filgħodu biss, jew inkella l-Qrati, għaliex il-kawżi għadhom isiru filgħodu."
Saħaq illi apparti l-Gvern hemm ukoll il-privat u allura dawk il-ħinijiet tad-deliveries.
Farrugia ammetta li tibdiliet bħal dawn mhux se jkunu faċli u lanqas se jsiru mil-lum għall-għada, filwaqt li jirrikjedu l-bżonn ta' bidla fil-kultura.