L-NGO Repubblika tikkundanna "l-imġieba anti-demokratika, irresponsabbli u skorretta tal-Prim Ministru Robert Abela." Dan qalitu, filwaqt li saħqet li tinsab ixxukkjata, hekk kif ilbieraħ filgħodu l-Prim Ministru tkellem ma' Maġistrat dwar kif jingħataw is-sentenzi mill-Qrati. Kien għalhekk li Repubblika għażlet li tikteb ittra lill-President ta' Malta George Vella.
"Il-prassi, is-sens ta' prudenza u l-Kodiċi tal-Etika tal-ġudikatura jiddettaw li l-Eżekuttiv ma jikkomunikax ma' membri tal-Ġudikatura fil-privat, iżda esklussivament mal-Prim Imħallef u b'mod strettament uffiċjali," qalet Repubblika.
Repubblika qalet ukoll illi l-fatt li l-Prim Ministru jħossu komdu jammetti dan jindika "kemm ma jħaddanx, anzi jżeblaħ, il-prinċipji bażiċi ta' etika fil-ħajja pubblika u tal-awtonomija tal-istituzzjonijiet pubbliċi."
Fid-dawl ta' dan Repubblika, fl-ittra li bagħtet lill-President, qaltlu li jekk se jibqa' sieket se jkompli jgħin lill-Prim Ministru "jgħaffeġ b'għemilu u bi kliemu l-indipendenza tal-Ġudikatura u jkompli jaħtaf il-poter li l-Kostituzzjoni ma trid ebda Gvern ikollu."
'Ħtieġa ta' passi kontra l-Prim Ministru u l-Maġistrat'
Intant iċ-Chairperson tal-ADPD saħaq li l-fatt li saret laqgħa li fiha l-Maġistrat stqarret ma' Abela, "li meta jingħataw pieni ħorox, il-Qorti tal-Appell tnaqqas din il-piena" hija waħda ta' tħassib. Fil-fatt qal li huwa inkwetanti li l-Prim Ministru jiltaqa’ ma Maġistrat, membru tal-ġudikatura, u jiddiskuti miegħu/magħha is-sentenzi li jingħataw mill-Qrati.
"Dan l-aġir hu ċensurabbli kemm fil-konfront tal-Prim Ministru kif ukoll fil-konfront tal-Maġistrat li l-identità tiegħu/tagħha, s’issa, mhiex magħrufa," żied Cacopardo.
Tant hu hekk, Cacopardo sejjaħ lill-President tar-Repubblika biex "kif inhu dmiru" jlaqqa' b'urġenza l-Kunsill għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex jittieħdu l-passi meħtieġa, immedjatament.