Xufier fuq l-effett tad-droga laqat mara li tkaxkret taħt il-karozza 20 metru qabel mietet

Fil-Qorti jibda jinstema' każ kontra raġel li tajjar mara u qatilha fix-Xemxija fl-2021... Ir-raġel tagħha jixhed emozzjonat għall-aħħar

Hekk kif bħalissa l-pajjiż huwa mixgħul bil-mewt ta' Pelin Kaya li ttajret minn karozza fil-Gżira minn raġel li kien taħt l-effett tad-droga, issa fil-Qorti qed jinstema' każ ieħor ta' mara li ttajret minn karozza fix-Xemxija minn xufier li wkoll kien taħt l-influwenza tal-kokaina u l-akoħol u li baqa' dieħel f'numru ta' karozzi huwa u jsuq. Il-każ kien seħħ fl-2021.

Hekk kif kien qed jixhed ir-raġel tal-vittma, Nadil Ben Soltana, emozzjonat għall-aħħar irrakkonta kif hu kien ma' martu f'Malta għal vaganza u kienu qed iqattgħu l-aħħar jum f'Malta iduru bil-karozza li kienu krew. Huwa qal li kien ipparkja viċin il-baħar u l-appartament fejn kien qed joqgħod ma' martu. Huma kienu għadhom kif iżżewġu. 

Kompla jgħid illi huwa kien ħareġ mill-karozza b'martu toħroġ minnha ftit wara, għax kienet qed tfittex il-handbag. 

Kompla jgħid li waqaf fuq naħa ta' triq hekk kif sema karozza ġejja b'veloċità kbira u ma kienx jaf fejn kienet martu. "Waqaft biex inħalli l-karozza tgħaddi u rajt lil marti taqsam minn naħa l-oħra u f'daqqa waħda nisma' ħoss kbir. Ma kontx naf x'inhu," qal jibki x-xhud. Il-ħoss kien tal-karozza tolqot lill-vittma. Hija tkaxkret 20 metru taħt il-karozza tal-akkużat, raġel Malti ta' 43 sena.

Persuni li kienu fuq il-post ippruvaw jagħtu l-ewwel għajnuna, filwaqt li x-xhud qal li jiftakar lil raġel ġej biex jiċċekkja l-polz fuq martu iżda l-Ispettur George Frendo xehed illi l-vittma kienet diġà mejta meta waslet fuqil-post. 

Ir-raġel u anke ż-żewġt itfal ukoll ittieħdu l-Isptar fejn kienu trattati għal ġrieħi. Ir-raġel instab li kien qed ibati minn xokk kbir u f'dak il-punt ma steax iwieġeb mistoqsijiet. 

More in Politika