Il-PE jivvota biex l-iskart tal-plastik iġġenerat fl-Ewropa ma jibqax ikun esportat f'pajjiżi terzi

Kien l-MEP Malti Cyrus Engerer f'isem l-S&D li nnegozja rapport li sab l-appoġġ ta' 93% tal-Membri Parlamentari Ewropej

Inħammġu hawn u nesportaw il-ħmieġ barra... Daqshekk jgħid il-Parlament Ewropew
Inħammġu hawn u nesportaw il-ħmieġ barra... Daqshekk jgħid il-Parlament Ewropew

“Ma nistgħux inkomplu naċċettaw sitwazzjoni fejn l-isfidi tal-iskart li qed naffaċċjaw gewwa l-UE ibatuhom pajjiżi terzi b’konsegwenzi devastanti għall-klima, l-ambjent u s-sahha tan-nies gewwa dawn il-pajjizi. Wasal iż-żmien li ngħidu daqshekk għal din ir-realtà billi nerfgħu r-responsabbiltà tagħna u nittrattaw il-plastik bħala riżorsa importanti għall-ekonomija ċirkulari li tiffunzjona bis-sħiħ”  Hekk qal l-MEP Cyrus Engerer hekk kif il-Parlament Ewropew ivvota b’93% favur ir-rapport li kien qiegħed jinnegozja f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.

L-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer, ilu għal din l-aħħar sena jinnegozja r-reviżjoni ta’ Regolament tal-UE dwar Vjaġġi tal-Iskart f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi. “Għalkemm sibt reżistenza kbira fil-mument li għamilt il-proposta daqs sena ilu, sodisfatt li llum il-maġġoranza assoluta tal-gruppi politiċi huma favur.  Issa nħeġġiġkom tivvutaw favur din il-liġi,” Engerer ħeġġeġ lill-membri tal-Parlament Ewropew fid-dibattitu qabel il-vot.  

Waqt li kien qed jindirizza s-sessjoni Plenarja nhar it-Tnejn filgħaxija Engerer esprima d-diżappunt tiegħu għall-politika tal-UE dwar l-iskart u l-mod kif din ippruvat tagħlaq għajnejha għal realtà inaċċettabbli li taffettwa tant komunitajiet vulnerabbli barra l-kontinent Ewropew.

“Inaddfu darna u nikinsu l-ħmieġ barra. Dak li qed nagħmlu fl-Ewropa biex nindirizzaw l-isfidi tagħna fejn jidħol l-iskart. Aħna ngħixu f'dinja waħda u l-esportazzjoni tat-tniġġis lejn pajjiżi terzi se jkollha impatt globali. Ma nistgħux nibqgħu passivi quddiem dak li qed ifissru l-azzjonijiet tagħna għas-saħħa u d-drittijiet tal-bnedmin li jgħixu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.”

Spjega wkoll li rridu naraw bidla fil-perspettiva fejn jidħol l-iskart. Huwa rrimarka li l-iskart kollu ġġenerat fil-livell tal-UE għandu jitqies bħala riżorsa ta’ valur u għandu jintuża f’konformità ma’ ekonomija ċirkolari li taħdem bis-sħiħ. L-MPE Engerer sostna wkoll li l-uniku mod kif nistgħu verament nimxu lejn ekonomija ċirkolari huwa billi nagħlqu l-miżbliet li ħloqna f’uħud mill-aktar reġjuni vulnerabbli tad-dinja.

Permezz tal-ħidma li saret mill-MPE Engerer f’dawn in-negozjati, il-Parlament Ewropew issa għandu ftehim biex titwaqqaf darba għal dejjem l-esportazzjoni ta’ skart tal-plastik barra milll-UE. Dan huwa pass rivoluzzjonarju għaliex se jtemm, wara perjodu ta’ transizzjoni, l-effetti li kien qiegħed iħalli l-plastik fuq l-ambjent naturali, il-bijodiversità, l-ekosistemi u l-ġustizzja soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Permezz tal-ftehimiet milħuqa waqt in-negozjati kwalunkwe skart ieħor esportat barra mill-UE jista' jmur biss f’faċilitajiet tal-iskart li jissodisfaw l-istess standards applikabbli fl-UE. Il-Parlament Ewropew qabel ukoll li jiffaċilita t-trasport tal-iskart bejn l-Istati Membri tal-UE billi titnaqqas il-burokrazija u dan iwassal ukoll biex niffaċilitaw l-użu mill-ġdid tal-iskart.

Ir-Rapport innegozjat mill-MPE Cyrus Engerer f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi issa se jmur għal negozjati mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim ta’ kompromess fix-xhur li ġejjin.

More in Politika