L-eks Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Miriam Spiteri Debono hija waħda minn dawk li l-Partit Nazzjonalista ippropona bħala l-Kummissarju l-ġdid tal-Istandards. Dan kien irrapportat dalgħodu u kkonfermat minn sorsi separati mill-Partit Nazzjonalista ma' dan is-sit. Minkejja dan f'kummenti mas-sit timesofmalta.com Spiteri Debono esprimiet rabja li l-PN qabad u tefa' isimha mingħajr ma kkonsultaha u sostniet li hi ma tħossx illi hija kwalifikata għal din il-pożizzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kiteb uffiċjalment lill-Prim Ministru Robert Abela u ħeġġu jikkunsidra lill-eks Speaker, intqal lil sorsi tal-istess sit timesofmalta.com. L-istess sit irrapporta kif il-Prim Ministru Robert Abela ma aċċettax in-nomina ta' Spiteri Debono, flimkien man-nominati l-oħrajn u żamm mal-pożizzjoni tiegħu li l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi huwa l-aktar persuna idonea għall-kariga.
Il-Gvern innomina lil Azzopardi biex jieħu post l-eks Kummissarju tal-Istandards George Hyzler li investiga diversi każi u saħansitra sab Deputati ħatja ta' ksur ta' etika parlamentari, fosthom l-eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar u l-eks Ministru u eks Deputat Justyne Caruana. Huwa kien ukoll żvela kif fuq ilment miftuħ mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar materji li jirrelataw mat-taxxa tiegħu, il-PM Abela ma riedx iwieġeb. L-Investigazzjoni kienet dwar akkużi li l-Prim Ministru Robert Abela abbuża mill-poter tiegħu wara li allegatament iddiskuta l-materji tat-taxxa tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech mal-Kummissarju tat-Taxxa, Marvin Gaerty li wkoll ma weġibx il-mistoqsijiet tiegħu ta' Hyzler.
Spiteri Debono hija nutar u kienet kandidat Laburista fis-snin 80 u s-snin 90 u kienet l-ewwel Speaker mara, li okkupat il-kariga matul il-leġiżlatura pjuttost imqallba ta' bejn l-1996 u l-1998.
Intant il-PN ippropona wkoll lill-Imħallef Emeritus Silvio Meli - li serva wkoll fuq il-Grupp Multi-Dixxiplinarju kontra l-Korruzzjoni fil-Kunsill Ewropew u kien, fost diversi oħrajn, responsabbli għall-formazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Uffiċjali Pubbliċi. Kien propost ukoll l-eks Kap Eħekuttiv tal-Air Malta Philip Micallef.