Il-Kandidat Indipendenti Arnold Cassola jitlob għal investigazzjoni wara storja ta' The Shift News li allegat illi fis-7 ta' Diċembru, passiġġiera li kienu qed jistennew biex jitilgħu abbord l-ajruplan għal Londra u li diġà kienu ħallsu għat-titjira, allegatament kellhom jagħmlu spazju għas-Segretarju Parlamentari Chris Bonnett u l-familja tiegħu.
The Shift News irraportat ukoll li b'konsegwenza ta' dan, inqalgħet kommossjoni abbord l-ajruplan għaliex allegatament Bonnett xtaq li hu u familju jkunu bilqegħda ħdejn xulxin. Preċedentament Cassola irċieva l-istess informazzjoni u meta bagħat mistoqsijiet lil AirMalta qal li baqa' bla risposta. Minkejja dan, Bonnett ċaħad dawn l-allegazzjonijiet kollha.
Intant fit-talba lill-Kummissajru tal-Istandards - li għadu mhux maħtur - Cassola jistaqsi "hekk kif dan kien vjaġġ ta' vaganza għall-familja Bonett u ma kien hemm l-ebda emerġenza s-sitwazzjoni ta' mard jew xi każ soċjali, għaliex is-Segretarju Parlamentari u familtu ma qabdux u poġġew f'postijiet liberi u minflk baqgħu jinsistu li jpoġġu f'postijiet ibbukkjati minn ħaddieħor?"
Huwa temm jgħid li min huwa elett mill-poplu għandu jkun minn tal-ewwel li jagħti l-eżempju.
'Inħares 'il quddiem għal dak li talab Cassola biex nuri li din gidba oħra'
Intant b'reazzjoni għal din it-talba, Bonnett sostna fuq Facebook li, "la tlabt, la pretendejt u lanqas ħadt xi trattament preferenzjali kontra dak allegat." Dan filwaqt li qal li ħallas minn qabel biex hu flimkien ma' familtu b'żewġ ulied żgħar ikollhom seats ħdejn xulxin. Fuq hekk, huwa qal li għandu l-irċevuti kollha li juru li huwa ħallas minn qabel.
"Fl-aħħar xhur l-attakki ibbażati fuq il-qerq u n-nuqqas ta' verità ma naqsu xejn. Għax nikri l-post fejn ngħix irredikolawni. Issa l-aħħar attakk fuq btala li għamilt mal-familja ma' żewġ uliedi żgħar," qal Bonnett.
Temm jgħid li jħares 'il quddiem għal dak li talab Cassola, "biex nuri li din gidba oħra."