Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ ma laqax talba tal-Partit Nazzjonalista biex il-Kumitat Parlamentari Permanenti tas-Saħħa jitlaqqa’ b’urġenza ħalli jiddiskuti s-sitwazzjoni ta' mediċini out-of stock.
Matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo u mill-Kelliem għall-Ġlieda kontra d-Dijabete, għal-Libertajiet Ċivili u d-Djalogu Soċjali Claudette Buttigieg, kien innotat kif il-Gvern għandu l-obbligu jassigura stock tajjeb ta’ mediċini biex joffri serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi. "Din il-problema qed tkompli tkun serja ħafna u għalhekk, il-Gvern ta’ Robert Abela ma jistax jibqa’ jkun arroganti billi jgħid li s-sitwazzjoni hi taħt kontroll meta, fil-verità, kulħadd jaf li m’hijiex."
Huma sostnew li l-lista ta' mediċini b'xejn ilha ma tkun aġġornata xahrejn u li l-lista tal-mediċini out-of-stock qegħda dejjem tiżdied. Huma sostnew li mediċini kontra l-kundizzjonijiet tad-dijabete u tal-kanċer fl-istonku, fost oħrajn huma out-of-stock u b'hekk in-nies qed jispiċċaw mingħajr trattament u l-familji qed jissallbu biex jaraw kif se jlaħħqu u jixtru l-mediċini li għandhom bżonn.
Il-Kelliema nnotaw kif il-Gvern ta’ Robert Abela "jrid jaħbi l-verità tant li kien ippubblika lista aġġornata sal-14 ta’ Novembru, iżda mbagħad, din il-lista reġgħet tneħħiet bl-aħħar lista ppubblikata terġa’ ssir dik tas-7 ta’ Novembru. Dan fid-dawl tal-miljuni li l-Gvern ħallas u se jibqa’ jħallas lil tal-Vitals u ta’ Steward, minkejja li dawn il-flejjes setgħu jkunu investiti b’benefiċċju għall-poplu kollu u mhux għall-ftit."