Telfa storika, apatija u diżilużjoni: L-annus horribilis ta' Grech u l-PN
Kienet sena ħażina għall-PN, tħares kif tħares lejha. Minn telfa elettorali rekord wara waħda mill-aktar kampanji fqar tal-PN, sa Indipendenza mingħajr attivitajiet, tgħajjir u djun...
minn Albert Gauci Cunningham
Din bla dubju kienet sena ħażina ħafna għal Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista. Kienet is-sena, u baqgħet sal-aħħar, dik is-sena illi matulha l-PN ħa daqqa, mhux biss f'termini elettorali imma wkoll - jekk mhux aktar - f'termini ta' ħeġġa, entużjażmu u tama. Dawn huma lkoll fatturi importanti u neċessarji biex partit jimxi 'il quddiem u biex ikollu tim ta' voluntiera li jaħdmu sabiex il-partit iwassal il-messaġġ, joħroġ lin-nies jivvotaw, joħroġ lin-nies għall-attivitajiet politiċi u jqajjem l-entużjażmu fost l-għeruq: Ilkoll fatturi neqsin mill-PN din is-sena.
Waħda mill-ifqar kampanji... wieħed mill-agħar riżultati!
Kuntrarjament għall-avversarju, il-PN kellu kampanja li kollox ma' kollox kienet fqira. L-aktar li ġibed l-attenzjoni kienet l-attendenza ta' ħafna mill-attivitajiet li kienu qed isiru matul il-ġimgħa, b'uħud minnhom saħansitra jibdew nofs siegħa tard biex jimtlew l-erba' postijiet ta' ġot-tinda. Fost l-aktar ritratti li daru li kienu juru l-attendenzi fqar f'dawn l-attivitajiet kien hemm dawk taż-Żejtun, imma anke tal-Imsida, f'Distrett Nazzjonalista.
L-unika attività li wieħed jista' jgħid illi matulha kien hemm folla mdaqqsa ta' attivisti b'ħeġġa, kienet l-aħħar waħda tal-kampanja fil-Belt Valletta.
Issa wieħed verament jista' jgħid li kienet għadha teżisti xi ftit aktar biża' minħabba l-Covid-19, imma in-nuqqas ta' attendenza kienet ukoll xhieda ta' żewġ affarijiet: L-ewwelnett li fost l-għeruq, anke fost l-aktar akkaniti, ma kienx hemm ħeġġa għall-PN u għall-elezzjoni. Għal ħafna dik ta' din is-sena kienet elezzjoni "ta' bilfors" u jidher li dan is-sentiment kien akbar fil-PN milli fil-PL, meta suppost kien bil-kontra (għax il-Gvern dejjem jitlef voti u appoġġ mhux jirbaħ, suppost). Pero' t-tieni ħaġa li kienet turi din l-attendenza fqira kienet illi ħafna votanti nazzjonalisti ma kinux jemmnu li l-PN kellu ċans imqar iġib riżultat diċenti, li jkun ifisser tnaqqis konsiderevoli fid-distakk.
Il-kampanja wkoll kienet dgħajfa minħabba nuqqas ta' preparazzjoni u koerenza, speċjalment fuq l-aktar proġett li kellu jqajjem interess, diskussjoni u jikseb lill-PN ftit appoġġ. Qed nirreferu għat-trackless tram. Min jgħid li se tittieħed art biex tiżdied karreġġjata - li hija l-aktar ħaġa ovvja - iżda mbagħad kien hemm min beda jissuġġerixxi li se tittieħed kareġġjata minn dawk diġà eżistenti, bil-Labour jpinġi x-xenarji apolkaliptiċi kollha tat-traffiku li xi ħaġa bħal din setgħet twassal għaliha.
Dan biex ma nsemmux ċerti proposti bħal maħfra ta' multi, li qajmet ħafna interess, ħafna kritika u xi ftit żufjett ukoll.
Bernard Grech innifsu - minkejja li ġeneralment huwa kelliem tajjeb u għamel diskorsi tajbin matul il-kampanja - deher emozzjonat ħafna, diversi drabi. Li politiku jemozzjona ruħu hija sabiħa għax turi l-aspett uman ta' bniedem, imma kien beda jinħass illi l-kampanja nnifisha kienet qed titfa' wisq pressjoni fuq Grech. Wieħed jifhem li hemm differenza kbira bejn persuna li tmur fuq it-TV u tikkonvinċi b'argumenti tajbin - kif kien jagħmel Grech qabel sar Kap tal-PN - u li tmexxi kampanja kontra l-mewġ intern, sondaġġi li qed ipinġu diżastru u nuqqas ta' riżorsa finanzjarja u umana.
Biex tgħaxxaq, eżatt malli l-PM Abela saffar s-suffara - waqt li l-PL kellu l-ewwel attività elettorali fi Pjazza San Franġisk f'Ħal Qormi - Clyde Puli, Mario Galea u Kristy Debono ħabbru li mhux se jikkontestaw l-elezzjoni. Minkejja li Puli u Debono qatt ma esprimew ruħhom, Galea mar pass oltrè u ftit jiem wara akkuża lill-PN u lit-tmexxija ta' Bernard Grech illi għamlulu ħajtu infern.
Ir-riżultat tal-elezzjoni naturalment ma setax kien aktar diżappuntanti għall-PN, kemm minħabba l-kobor tat-telfa imma anke għax dik tal-2022 tiġi wara 13-il sena ta' telfiet akbar minn 30,000 vot (sa mill-2009).
L-ewwel reazzjoni ta' Grech kienet preludju għal dawn l-aħħar xhur immarkati minn apatija kronika, nuqqqas ta' ħeġġa u ġlied.
Jidħlu l-ġodda... joħorġu "l-iskaduti"
Grech għall-ewwel implika li parti mit-telfa kienet "xiri ta' voti" permezz taċ-ċekkijiet, ironikament reazzjoni li fakkret lil ħafna minn dawk preżenti fuq xogħolhom fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar fil-mod kif Alfred Sant kien jilqa' għat-telfiet elettorali, bir-raġunamenti tal-"gerrymandering" u "l-ħbieb tal-ħbieb".
L-uniku prospett sabiħ u pożittiv għall-PN kien il-fatt li l-votanti nazzjonalisti jidhru illi bi ħġarhom għażlu ħafna aktar lil Deputati ġodda u żgħażagħ. Allura l-votant nazzjonalist kien il-vejjikolu tal-bidla fil-Grupp Parlamentari li fost l-għeruq kienet ilha tinħass il-bżonn tagħha, u liema sentiment issaħħaħ wara sena ta' ġlied intern li wassal biex Adrian Delia ma baqax Kap. Grech innifsu kien ilu jindika li qed jimbotta aktar lill-ġodda u liż-żgħaħagħ u allura din kienet bħal rebħa li tat ftit balzmu għat-telfa elettorali.
Iżda anke l-effett pożittiv ta' din l-injezzjoni żagħżugħa kien xi ftit innewtralizzat bil-fatt li dawk id-Deputati ta' aktar esperjenza u li xorta għandhom rwoli li jistgħu jagħtu lill-partit f'pożizzjonijiet differenti, interni, ingħataw il-ġenb. Biex tgħaxxaq Grech meta mistoqsi pubblikament dwar Jason Azzopardi kien implika li dan skada ("past his sell by date").
Anke kieku stess Grech hekk jaħseb u anke jekk Azzopardi verament kien ikkastigat mill-votanti nazzjonalisti, fl-istat li fih jinsab il-PN huma l-ħbieb li jrid jagħmel mhux l-għedewwa. U l-konsegwenza ta' din l-istqarrija azzardata wasslet biex Azzopardi fetaħ il-kanuni u ftit ġimgħat ilu biss sostna li l-partit pprova jwarrbu u akkuża lil Grech li huwa mazzra ma' għonq il-partit.
Mhux eżattament it-tip ta' PR li għandu bżonn u l-PN u Grech bħalissa.
Bla bigilla fuq il-Fosos, problema ta' flus u tiġrijiet b'żiemel wieħed biss!
Fl-aħħar Indipendenza l-PN iddeċieda li għall-ewwel darba ma jsiru ebda festi marbutin ma' dan il-jum storiku u sinonimu mal-PN. Spiċċa ż-żmien meta eluf kienu jerħula lejn il-fosos jisimgħu xi diskors, jieklu xi ftit bigilla jew ravjul u lejliet il-festa, mass meeting - li ma kienx ikun massiċċ, imma li għalih xorta kienu jattendu eluf ta' attvisti. Kienet attività annwali u opportunità biex il-partit jiltaqa' u jlaqqa' lill-għeruq tiegħu, jqajjem ftit entużjażmu qabel jibda l-istaġun politiku u juri sena ta' xogħol.
Din id-darba kienet attività li għaliha attendew ftit nies, b'diskorsi pjuttost fqar u monotoni u barra bid-daqq.
Kollox jgħodd fil-politika. U l-fatt li ma kienx hemm imqar attività waħda tal-massa bi ftit ċaqlieq, folla ta' nies u mqar ftit ħajja kompliet tibgħat il-messaġġ li l-PN jinsab f'qagħda mwiegħra. Kompliet iżżid id-doża ta' apatija u sens ta' qtigħ il-qalb.
U kien Grech stess li fl-elezzjoni biex ikun ikkonfermat Kap Nazzjonalista sostna li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN u l-kumpaniji tiegħu huma mwiegħra ħafna u jeħtieġu soluzzjonijiet immedjati.
Il-fatt ukoll li kemm għall-kariga ta' Kap u anke għal ta' Viċi Kap kien hemm biss kandidat wieħed u effettivament allura ma kien hemm ebda kampanja, ma għen xejn biex inaqqas mis-sens ta' apatija u diżiluzjoni.
Issa wieħed jistenna li jkun hemm ħafna titubar u biża' biex xi ħadd jikkompeti kontra Kap kurrenti, u allura kien ovvju li l-istqarrija ta' Bernard Grech (mumenti wara li kkonċeda t-telfa) illi se jerġa' jikkontesta għall-Kap, effetivament kienet qed tagħlaq il-bibien għal kull interess. Żball ieħor post elettorali ta' Grech, li messu ta aktar żmien biex jevalwa aħjar l-ewwel reazzjonijiet fil-PN qabel jagħlaq kull ċans ta' bidla fit-tmexxija tal-partit.
Imma li kienet aktar gravi - għallinqas f'għajnejn kull min janalizza s-sitwazzjoni politika fil-partiti - kien il-fatt li lanqas għall-kariga ta' Viċi Kap, fejn allura ma kienx hemm xi politiku f'pożizzjoni kurrenti qed jikkontesta, ma kien hemm tiġrija. Dan minkejja l-indikazzjonijiet li kien ta Grech stess li hu xtaq mara fil-kariga.
Minflok il-PN kellu elezzjoni b'kandidat wieħed biss, biex kienet kampanja bla ħoss, bla wisq entużjażmu għal demm ġdid u riżultat li kien aktar prevedibbli mis-sħana ta' Awwissu.
It-tiġrija għal Viċi Kap ġdid kellha tkun l-okkażjoni perfetta biex jiddaħlu nies ġodda u aktar żagħżagħ, mara - sabiex il-partit ikollu iż-żewġ ġeneri fit-tmexxija u idealment xi ħadd bi sfond differenti minn ta' Grech. Minflok il-PN ma kellu ebda għażla ħlief li jmur għal avukat ieħor li ilu snin fil-partit u li - minkejja illi huwa persuna affabbli - kien skwalifikat fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni għal Kap ġdid fl-2017 u lanqas biss kien elett fl-aħħar elezzjoni.
Opportunità tad-deheb, moħlija!
L-abort, jagħti ftit nifs, imma għal kemm?
Dan l-aħħar il-PN ħa ftit ta' nifs ċkejken hekk kif - b'ċerta suċċess ukoll - qabeż fuq l-emenda li tittratta abort u sab lill-Gvern mhux preparat biżżejjed biex jispejga eżattament x'inhu jipproponi. Il-PN rikeb fuq is-sentiment anti-abort, il-biża' u anke l-miżinformazzjoni b'element ta' suċċess. Iżda dan jaf ikun biss soljev ta' ftit u bl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2024 u b'Roberta Metsola, li hija l-qofol tal-kandidatura nazzjonalista, li ddikjarat ruħha favur l-abort f'kull istanza, il-PN u Grech ma jaqblilhomx wisq li din il-kwistjoni ittul.
Minkejja li n-narrattiva tiegħu ħadet aktar is-soppravvent, għallinqas fuq il-midja soċjali, id-diskors tiegħu fil-Parlament illi matulu Grech kważi żżuffjetta b'mara li kellha tagħmel abort minħabba tqala li kienet se tintemm, niżlet ħażin ħafna ma' għaqdiet tan-nisa u dak favur l-għażla (Pro-Choice) u naffret il-ftit nies liberali li kien għad hemm fil-PN.
Kollox ma' kollox għalhekk din is-sena kienet l-annus horribilis tal-PN u maċ-ċekċik tat-tazzi tax-xampanja Bernard Grech ma jistax ma jixtiqx illi l-2023 tkun aktar ħanina miegħu u mal-PN.