'Irtirat biss għax inkixfet kmieni u affaċċjat kritika lokali u internazzjonali' - Il-Partit Laburista

Il-PL isostni li sa llum stess, Metsola kienet qed tiddefendi l-ħatra tal-membru tal-familja 

"Fl-iktar mument sensittiv għall-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ħadet deċiżjonijiet li komplew jitfgħu dubji fuq il-kredibbiltà tagħha." Hekk qal il-Partit Laburista b'reazzjoni għall-aħbar fil-bidla tal-kariga ta' Kap tal-Kabinett, wara li ġie rraportat minn midja Taljana li dik il-kariga kienet se tingħata lill-membru tal-familja ta' Roberta Metsola. Il-Partit saħaq li Metsola "irtirat biss għax inkixfet kmieni u affaċjat kritika lokali u internazzjonali u dan għaliex dalgħodu kienet għadha qed tiddefendi l-ħatra."

Minkejja li mhux mifhum jekk din il-ħatra kinitx gidba tal-midja Taljana jew bidla fil-fehma ta' Metsola, il-PL jgħid li "wara li sal-lum stess iddefendit il-ħatra tar-raġel t’oħtha bħala l-Kap tal-Kabinett ma’ ġurnal Taljan bl-iktar mod arroganti, hi kienet kostretta treġġa' lura din il-ħatra riżultat ta’ kritika kbira fl-aħħar sigħat. Kritika li kompliet tnaqqar il-kredibbiltà tagħha." 

Intant il-partit qal li b'din l-azzjoni, "tat raġun lil min qal li fiċ-ċrieki li hi midħla tagħhom hi hemm kultura ta' impunità."

More in Politika