Gidba tal-midja Taljana jew bidlet fehmtha? Metsola mhux se taħtar lil membru tal-familja bħala Kap tal-Kabinet

Roberta Metsola taħtar lil Leticia Zuleta de Reales Ansado u mhux lil Matthew Tabone

Rapporti fil-midja Taljana qalu li l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, li ftit ġimgħat ilu wegħdet riformi wara l-iskandlu tal-Qatar Gate, tinsab fiċ-ċentru tal-attenzjoni hekk kif ħatret lil membru tal-familja tagħha, Matthew Tabone, bħala Kap tal-Kabinett tagħha.

Mill-ftit informazzjoni irraportata fuq Il Foglio Quotidiano, Metsola inkarigat lil Tabone f'din il-pożizzjoni b'paga ta' madwar €15,000 u €20,000 fix-xahar. Tabone suppost kien se jieħu post Alessandro Chiocchetti, li huwa wkoll kien fiċ-ċentru ta' skandlu dwar kif inħatar fil-kariga tiegħu.

Minkejja dan, fi żvolta pjuttost stramba, Metsola ħabbret li mhux se tkun qed taħtar lil Tabone, bħalma rrapportat Il Foglio. Intant tħabbar li Leticia Zuleta de Reales Ansado se tkun qed tokkupa din il-kariga bħala Chief of Staff u Kap tal-Kabinett.

Min hu Alessandro Chiocchetti? 

Chiocchetti kien konsulent ta' Silvio Berlusconi, eks Prim Ministru Taljan u ta' Antoni Tajani, eks President tal-Parlament Ewropew.

Ftit żmien ilu Chiocchetti ġie appuntant bħala Segretarju Ġenerali u se jibda' jokkupa din il-kariga minn Jannar li ġej. Minkejja dan, din il-ħatra ma ntlaqgħet xejn tajjeb, fil-fatt Transparency International, moviment globali li twaqqaf bil-għan li jelimina l-korruzzjoni, talab biex Chiocchetti jitneħħa minn din il-pożizzjoni. Transparency International fakkret f'diversi rapporti tal-midja li jgħidu li sar ftehim sigriet bejn numru ta' gruppi politiċi biex issir il-ħatra, fosthom li jingħataw karigi għolja lil diversi persuni li jagħmlu parti minn dawn il-gruppi. 

Dawk li jissejħu backroom deals, li bihom prattikament ikunu magħżula ħafna mill-karigi fil-Parlament Ewropew - inkluż dik tal-President -, qed tkun sfidata minn diversi binarji inkluż minn MEPs infushom li qed jisħqu illi l-għażla ta' dawn il-karigi għandha ssir b'aktar trasparenza. 

Cassola: Jikteb lill-Ombudsman tal-UE fuq il-ħatra 

Il-Kandidat Indipendenti Arnold Cassola aktar kmieni kiteb ittra lill-Ombudsman tal-Unjoni Ewropea Emily O'Reilly minħabba l-ħatra ta' membru tal-familja ta' Roberta Metsola bħala Kap tal-Kabinett tagħha u għaldaqstant bħala Chief of Staff. Cassola qal li anke jekk din il-ħatra hija aċċettata legalment, "din mhijiex etika u tibgħat messaġġ ħażin lil votanti Ewropej."

Intant b'reazzjoni għall-ħatra ta' Reales Ansado, Cassola qal li kien pass tajjeb li wara l-kritika li rċeviet Metsola fehmet li "kellha tbiddel il-pjan oriġinali u tagħti eżempju tajjeb."

More in Politika