Residenti minn Birżebbuġa f'ittra lil Miriam Dalli... Ifakkruha fir-responsabilità politika tal-intejjen mill-fabbrika tal-ħut

Fl-ittra miktuba mill-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa u l-Moviment Graffitti intqal li huwa insult min jipprova jgħid li l-intejjen mhumiex jirriżultaw mill-Acquaculture Resources Ltd

Uħid minn dawk li attendew għall-protesta f'Birżebbuġa
Uħid minn dawk li attendew għall-protesta f'Birżebbuġa

L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa u l-Moviment Graffitti kitbu it-tieni ittra tagħhom indirizzata lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, dwar l-intejjen li ħerġin mill-fabbrika tat-tonn f’Ħal-Far. Filwaqt li apprezzaw it-tweġiba tagħha dwar l-isforzi tal-awtoritajiet sabiex jindirizzaw il-problema, enfasizzaw li t-talba tagħhom, tar-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar, u tal-ħaddiema f’Ħal-Far, tibqa’ li l-operat tal-fabbrika jkun sospiż sakemm ikun żgurat li mhux se tibqa’ tħalli l-irwejjaħ li qed tipproduċi bħalissa. 

Nhar is-Sibt li għadda mijiet ta’ residenti ħarġu fit-toroq ta’ Birżebbuġa bl-għajta "fgajtuna" u sostnew illi huwa inġust mar-residenti u mal-ħaddiema li jġarrbu inkonvenjent ta’ rwejjaħ insapportabbli, indipendentament mir-raġunijiet tekniċi li qed iwasslu għal din il-problema.

Fl-ittra iż-żewg għaqdiet innutaw li l-operat tal-fabbrika għadu ma twaqqafx u li l-kumpanija Acquaculture Resources Ltd. saħansitra se torganizza żjarat kontrollati fil-fabbrika tagħha l-ġimgħa li ġejja.

Huma ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-ebda żjara organizzata mill-kumpanija mhi ser isserraħ ras in-nies għaliex, sakemm l-irwejjaħ jibqgħu ħerġin, "il-problema tibqa’ hemm. Jekk xi ħadd jipprova jimplika li l-irwejjaħ qawwija ta’ ħut mejjet, li bdew eżatt meta bdiet topera l-fabbrika tat-tonn ‘il fuq minn xahrejn ilu, mhumiex fil-fatt riżultat ta’ din il-fabbrika, ikun biss qiegħed jinsulta l-intelliġenza tan-nies." 

L-ittra temmet tgħid li la huwa kompitu tar-residenti, la tal-għaqdiet u lanqas tal-ġurnalisti li jsibu u jindirizzaw ir-raġunijiet li qed iwasslu biex il-fabbrika tarmi dawn l-irwejjaħ. "Dan huwa biss kompitu tal-kumpanija u tal-awtoritajiet konċernati. Ir-residenti u l-ħaddiema iżda għandhom dritt li ma jibqgħux ibatu minn dawn l-intejjen sakemm tinstab soluzzjoni."

L-għaqdiet qalu fl-ittra li jekk l-awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru ta’ Dalli se jonqsu milli jwaqqfu l-operat tal-kumpanija sakemm jieqfu l-intejjen, "ir-responsabbiltà politika trid bilfors tinġarr mill-Ministru u minn dawk kollha li ħallew din is-sitwazzjoni insostenibbli għaddejja għal wisq żmien."

Huma temmew l-ittra billi qalu li jinsabu fiduċjużi li ser tinstema’ l-karba tal-poplu u tittieħed l-azzjoni meħtieġa, filwaqt li tennew li l-qligħ tal-industrija tat-tonn m’għandu qatt jiġi qabel il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tan-nies.    

More in Politika