Il-PN jgħid li s-sistema tal-ġustizzja qed tkompli tiggrava b'mijiet ta' kawżi jiġu diferiti

Il-PN qed jipproponi aktar impjegati Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati, inkluż l-impjegati assenjati direttament mal-Imħallfin u l-Maġistrati u pagi aħjar għal dawk f'din il-kariga

Il-Partit Nazzjonalista qal li s-sitwazzjoni fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna qed tiggrava b’mijiet ta’ kawżi jkunu diferiti minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani u finanzjarji.

Qal dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina li rrefera għal dak li ġara lbieraħ meta l-Qorti tal-Minorenni, bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, kellha tiddeferixxi kawżi li kellhom jinstemgħu minħabba li l-Qorti ma kellhiex żewġ Court Assistants li bihom tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha skont il-Liġi.

"Il-Partit Nazzjonalista jqis din is-sitwazzjoni bħala mhix aċċettabbli f’soċjetà mibnija fuq is-Saltna tad-Dritt. Din is-sitwazzjoni qed tikser id-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għall-ġustizzja," qal Aquilina.

Insista li l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard "ma jistax jibqax ċass quddiem is-sitwazzjoni gravi li tinsab fiha s-sistema tal-ġustizzja."

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ għal azzjoni immedjata mill-Ministru għall-Ġustizzja biex jiżgura li b’mod immedjat, il-Qrati jkollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji kollha meħtieġa ħalli kull Imħallef u Maġistrat ikun jista’ jaqdi d-doveri tiegħu b’mod effettiv u fi żmien raġjonevoli.

Il-PN qed jipproponi li jiżdied in-numru ta’ impjegati mal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati, inkluż l-impjegati assenjati direttament mal-Imħallfin u l-Maġistrati, biex ikun indirizzat id-dewmien fis-smigħ tal-kawżi.

Qed jisħaq ukoll li l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati għandha ttejjeb il-pagi ta’ dawk li diġà huma impjegati magħha u tibda tattira lejha aktar persuni li huma ppreparati akkademikament u għandhom għarfien dwar prattiċi legali u proċedurali.

"Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li sistema ta’ ġustizzja ineffiċjenti u ineffettiva hi piż inġust fuq il-familji u n-negozji, filwaqt li ddgħajjef il-kompetittività ta’ pajjiżna. Meta l-Gvern ma jinvestix fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna, ikun qed jagħżel li ma jirrispettax is-Saltna tad-Dritt u jkun qed ixekkel liċ-ċittadini fit-tgawdija tad-drittijiet tagħhom," temm jgħid Aquilina.

More in Politika