Sa issa, ma jintlaħaqx ftehim biex jiġi introdott limitu fuq il-prezz tal-gass fl-UE

Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li filwaqt li kien irreġistrat progress fuq numru ta’ kwistjonijiet, il-valur li bih il-Presidenza qed tipproponi li tiskatta l-mekkaniżmu għadu għoli ħafna

Waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Enerġija li ħadet sigħat, ma ntlaħaq l-ebda qbil dwar proposta tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi introdott limitu fuq il-prezz tal-gass. Għal-laqgħa straordinarja fi Brussell attendiet il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli. 

Filwaqt li l-pajjiżi tal-UE kienu qed jittamaw li jintlaħaq ftehim dwar il-proposta biex ikun kontrollat il-prezz tal-gass użat għall-elettriku, il-pożizzjonijiet tal-istati membri għadhom differenti ħafna, b’konsegwenza li kien diffiċli biex jintlaħaq kompromess fuq l-aspetti kollha tar-regolament.

Il-ministri tal-enerġija tal-UE iddiskutew fit-tul l-introduzzjoni ta’ limitu massimu fuq il-prezz tal-gass għall-elettriku, wara ż-żieda fil-prezzijiet tal-gass madwar l-Ewropa. Il-livell tal-prezz li bih jiġi attivat il-limitu massimu – magħruf bħala  ‘il-mekkaniżmu korrettiv tas-suq’ – kien il-punt ewlieni ta’ tħassib li l-istati membri ma setgħux jaqblu dwaru.

Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li filwaqt li kien irreġistrat progress fuq numru ta’ kwistjonijiet, il-valur li bih il-Presidenza qed tipproponi li tiskatta l-mekkaniżmu għadu għoli ħafna. Il-pożizzjoni ta’ Malta hija l-istess bħal dik ta’ 14-il stat membru ieħor.

“Li jkollok mekkaniżmu li jiskatta b’valur għoli mhux se jikkalma s-swieq iżda minflok ikun qed jagħti sinjal lis-swieq biex iżidu l-prezz – meta rridu niksbu eżattament l-oppost. Fl-aħħar mill-aħħar irridu li jkollna sistema li tnaqqas il-prezz tal-gass użat għall-elettriku,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Wara n-nuqqas ta’ qbil waqt dan il-Kunsill tal-Enerġija straordinarju, il-ministri tal-enerġija qablu li jerġgħu jiltaqgħu u jkomplu bid-diskussjonijiet.

More in Politika