'Waqt li d-dinja qed tipprepara għall-Milied, aħna l-Ukreni qed naħdmu għal rebħa'

Appelli għal aktar għajnuna permezz ta' armi, sanzjonijiet u flus għall-irkupru hekk kif il-poplu Ukren jingħata l-Premju tal-Parlament Ewropew, il-Premju Sakharov...

L-għoti tal-Premju Sakharov lill-Poplu Ukren
L-għoti tal-Premju Sakharov lill-Poplu Ukren

"Waqt li d-dinja qed tipprepara għall-Milied, aħna fl-Ukrajna qed nipprepraraw - fid-dawl tax-xemgħat - għal-rebħa. Imma għandna bżonn aktar armi biex ngħelbu l-avversarju kemm jista' jkun malajr." Hekk saħaq is-Sindku ta' Melitopol - belt Ukrena okkupata mir-Russi - Ivan Federov waqt li llum il-poplu Ukren u l-mexxej Ukren, il-President Zelenskyy, ingħataw il-premju prestiġġjuż mogħti mill-Parlament Ewropew: Il-Premju Sakharov waqt Plenarja tal-istess Parlament li saret fi Strasburgu.

"Għandna bżonn aktar sanzjonijiet, aktar armi u aktar għajnuna għall-irkupru," sostniet  l-avukat u Kap taċ-Ċentru għall-Libertajiet Ċivili Oleksandra Matviychuk. 

'Dan il-premju jmur għal dawk li qamu u ġġieldu għal dak li jemmnu' - II-President Roberta Metsola

Wara ċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju u waqt konferenza fis-Sala Daphne Caruana Galizia, il-President Robert Metsola sostniet illi ħadd ma ħaqqu li jieħu dan il-premju daqs il-poplu Ukren, u allura "dawk kollha li mietu, li tilfu lil xi ħadd għażiż waqt din il-gwerra u li qamu u ġġieldu għal dak li jemmnu."

Kif fakkret Metsola din hija l-ewwel darba li l-premju qed jingħata lil poplu sħiħ u huwa apprezzament ta' nies ordinarji li qed jiddefendu l-valuri ewropej tal-libertà, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt. 

Metsola wegħdet aktar azzjoni, fosthom armi u li l-Ewropa tkompli bid-deċiżjoni li tkun indipendenti mill-fornitura tal-gass Russa. Qalet li se tkompli tfittex il-kunsens u l-għaqda fuq deċiżjonijiet diversi, inkluż il-passi li jmiss fuq il-Gwerra fl-Ukrajna. "Għada hija dik li rrid inkompli nagħmel," qalet il-President b'referenza għall-Kunsill Ewropew li se jitlaqqa' għada fi Brussell.

"Dan mhux mument ta ferħ," sostniet Metsola għall-mistoqsija ta' ġurnalista preżenti, "imma turija li aħna istituzzjoni ta' tama, partikolarment għal dawk li qed jiġġieledu gall-valuri ewropej." 

Intant flimkien ma' Metsola tkellmu rappreżentanti Ukreni, fosthom l-avukat u Kap taċ-Ċentru għall-Libertajiet Ċivili Oleksandra Matviychuk  li fakkret fl-atroċitajiet Russi u fit-tbatijiet tal-poplu Ukren bi ħtif, offiżi kontra l-poplu u deportazzjonijiet sfurzati. "Din mhx biss gwerra bejn żewġ pajjiżi imma gwerra bejn żewġ sistemi: Awtoritarjaniżmu kontra d-Demokrazija."

Hija qalet illi d-demokraziji jridu jikkoperaw, kif fakkret li jikkoperaw id-dittaturi bejniethom.

Għaliex ingħata dan il-Premju lill-Poplu Ukren?

Kien aktar kmieni din is-sena stess li l-Membri Parlamentari Ewropej ħabbru li l-Premju Sakharov 2022 għal-Libertà tal-Ħsieb se jingħata lill-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna, irrappreżentat mill-President tiegħu, il-mexxejja eletti u s-soċjetà ċivili tagħhom. 

U llum fi Strasburgu se jkun qed jingħata dan il-premju hekk prestiġġjuż tal-Parlament Ewropew li ngħata lil bosta personaġġi magħrufin mad-dinja għal ħidmiethom u l-attiviżmu tagħhom, f'pajjiżi li jirrestrinġu l-libertà tal-kelma u tal-ħsieb, xi kultant b'mod mill-aktar vjolenti.  

Kienet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li lura f'Ottubru ħabbret ir-rebbieħ tal-2022 fil-Plenarja ta’ Strasburgu l-Erbgħa wara nofsinhar, wara deċiżjoni mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament (il-President u l-mexxejja tal-gruppi politiċi). 

“Dan il-premju huwa għal dawk l-Ukreni li qed jiġġieldu fuq il-post. Għal dawk li ġew sfurzati jaħarbu. Għal dawk li tilfu qraba u ħbieb. Għal dawk kollha li qed jipprotestaw u jiġġieldu għal dak li jemmnu fih. Naf li l-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna mhux se jaqta' qalbu, u lanqas aħna m’aħna se nagħmlu hekk," qalet Metsola. 

Il-poplu Ukren qed jiffaċċja gwerra illegali mir-Russja u minn Vladimir Putin sabiex dan jagħmel l-Ukrajna tiegħu, anke jekk fl-aħħar ġimgħat ir-Russja sofriet minn telf ta' bliet li kienet ħatfet permezz ta' referenda finta. L-Ukreni dawn l-aħħar ġimgħat, apparti t-tkissir, l-imwiet u l-attakki kellhom ukoll jiffaċċjaw sitwazzjoni ta' sigħat u ġranet mingħajr provvista tad-dawl.  

Il-Parlament Ewropew - li ħa pożizzjoni mill-aktar b'saħħitha kontra din l-invażjoni illegali - fakkar li din il-gwerra qed tikkawża spejjeż enormi fuq il-poplu Ukren. Huma mhux biss qed jiġġieldu biex jipproteġu djarhom, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tagħhom, iżda qed jiddefendu wkoll il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-valuri Ewropej fil-battalji “kontra reġim brutali li jfittex li jimmina d-demokrazija tagħna, idgħajjef u jaqsam l-Unjoni tagħna”. 

In-nominazzjoni temfasizza l-isforzi tal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy flimkien mar-rwol tal-individwi, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u l-istituzzjonijiet statali u pubbliċi inklużi s-Servizzi ta’ Emerġenza tal-Istat tal-Ukrajna, Yulia Pajevska, il-fundatriċi tal-unità medika ta’ evakwazzjoni Angels of Taira, Oleksandra Matviychuk, avukata tad-drittijiet tal-bniedem u president tal-organizzazzjoni Ċentru għal-Libertajiet Ċivili, il-Moviment ta’ Reżistenza Ċivili Yellow Ribbon, u Ivan Fedorov, is-Sindku tal-belt ta’ Melitopol, li bħalissa tinsab taħt okkupazzjoni Russa. 

X'inhu l-Premju Sakharov? 

Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew. Ġie stabbilit fl-1988 biex jonora individwi u organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Huwa msemmi f’ġieħ il-fiżiku u d-dissident politiku Sovjetiku Andrei Sakharov. 

Lil min ingħata dan il-Premju? 

Is-sena l-oħra, il-Parlament ta l-premju lill-politiku tal-oppożizzjoni Russu u attivist kontra l-korruzzjoni, Alexei Navalny. 

Malala Yusafazai
Malala Yusafazai

Matul is-snin dan il-premju ingħata lil nies oħrajn fosthom Kofi Annan li kien is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda (UN) u li waqt it-tmexxija tiegħu ħadem biex isaħħaħ rabtiet aktar b'saħħithom mas-soċjetà ċivili fit-tfittxija għall-għanijiet tagħha ta' paċi, ġustizzja u drittijiet tal-bniedem.  

Ingħata wkoll lil Malala Yusafzai li fl-età ta’ 11-il sena bdiet il-ġlieda tagħha għad-drittijiet tal-bniet għall-edukazzjoni u kontra l-estremiżmu Taliban fil-Pakistan. 

U ngħata wkoll lil Nelson Mandela, deskritt bħala l-ikona fil-ġlieda kontra r-razziżmu li mexxa t-tranżizzjoni storika tal-Afrika ta’ Isfel li waslet għal demokrazija razzjali inklużiva filwaqt li ppromwova opportunitajiet indaqs u paċi għal kulħadd.  

Nelson Mandela
Nelson Mandela

Min kien innominat? 

Kien il-Partit Popolari Ewropew li nnomina lill-Poplu Kuraġġuż tal-Ukrajna mmexxi mill-President Volodymir Zelenskyy, li fil-fatt huwa r-rebbieħ ta' dan il-premju. Minkejja dan kemm is-Soċjalisti u anke l-Konservattivi nnominaw lil poplu Ukren u lil Zelenskyy rispettivament 

Intant il-Ħodor innominaw lil Sônia Guajajara  - attivista ambjentalista Brażiljana, li kienet ukoll membru tal-Partido Socialismo e Liberdade u anke kandidat għall-kariga Presidenzjali fl-2018.  

Ix-Xellug ippropona lill-Kummissjoni tal-Verità fil-Kolombja li nħolqot bħala parti minn qbil li kien jinkludi l-iżvilupp rurali, il-parteċipazzjoni politika u l-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi. Din il-Kummissjoni hija ffukata fuq il-vittmi, id-dritt tagħhom tal-verità u l-mod kif nies differenti huma trattati fis-soċjetà Kolombjana.  

Julian Assange kien innominat minn 41 MEP. Assange huwa Editur u pubblikatur Awstraljan illi beda dawk l'hekk magħrufin WikiLeaks, li fl-2010 ippubblikaw informazzjoni mill-Intelliġenza tal-Armata tal-Istati Uniti, li kienu jinkludu informazzjoni dwar l-attakk fuq Baghdad, telefonati u dettalji marbuta mal-gwerra fl-Afganistan u l-Iraq u dak magħruf bħala Cablegate, meta l-istess Wikileaks żvelaw fil-pubbliku komunikati li kienu għaddejjin bejn 274 konsulat, ambaxxata u missjoni diplomatika minn madwar id-dinja u d-Dipartiment tal-Istat Amerikan.  

Julian Assange
Julian Assange

L-Istati Uniti kienu bdew investigazzjoni kriminali kontra Assange bil-Gvern tal-Izvezja joħroġ mandat ta' arrest fuq allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali, xi ħaġa li Assange qal illi kien biss attentat biex l-Iżvezja jestradixxih lejn l-Istati Uniti. Minn hemmhekk imbagħad bdiet storja sħiħa ta' talbiet għall-estradizzjoni mill-Istati Uniti, ażil mill-Ekwador fl-2012 li mbagħad tneħħa fl-2019 u l-arrest u ż-żamma f'ħabs f'Londra, fejn Assange għadu jappella kontra l-estradizzjoni. L-Istati Uniti qed takkuża lil Assange bi spjunaġġ, fost oħrajn.  

Shireen Abu Akleh
Shireen Abu Akleh

Intant 43 MEP oħra innomnaw lil Shireen Abu Akleh  - ġurnalista Palestinjana-Amerikana li kienet tispeċjalizza fir-rappurtaġġ tagħha ta' dak li qed iseħħ fil-Lvant Nofsani. Hija kienet ġurnalista mal-istazzjon Al Jazeera għal 25 sena.  

F'Mejju ta' din is-sena Abu Akleh inqatlet waqt il-qadi ta' dmirijietha fix-Xatt tal-Punent.  

More in Politika