Ftit tal jiem ilu, mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, ħabbret għat-tielet sena konsekuttiva l-inizjattiva ‘Rigal bi Mħabba’.
Din is-sena, l-inizjattiva qed issir b’differenza għaliex hija mifruxa madwar il-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex u mil-lum tħabbar li se jkunu qed jinġabru prodotti tal-ikel għall-annimali jew prodotti relatati oħra fid-daħla tal-Isptar Mater Dei.
Waqt li żaret lil Jake Vella, Lydia Abela qalet li x-xewqa ta’ Jake għal Rigal bi Mħabba ta’ din is-sena tirrifletti l-imħabba li għandhom il-Maltin u l-Għawdxin għall-annimali.
“Fih dejjem ammirajt is-sens qawwi ta’ altruwiżmu u li jagħti vuċi lil min m’għandux. B'hekk inħeġġeġ lil kull min iżur l-Isptar Mater Dei f’dan iż-żmien ta’ festi biex iħalli prodotti tal-ikel tal-annimali jew prodotti oħra bil-għan li verament ikollna Rigal bi Mħabba b’differenza,” qalet Abela.
Min-naħa tiegħu, Jake qal li għalkemm jinsab rikoverat l-isptar f’dawn iż-żmien ta’ festi, jinsab kuntent li llum ħabbar din l-inizjattiva flimkien ma’ Lydia Abela u ħeġġeġ lil kulħadd jipparteċipa biex verament iferrħu lil kulħadd.
L-inizjattiva hija miftuħa sal-21 ta’ Diċembru.