Raġel li kien qed isuq vann tad-delivery tal-pastizzi wieġeb mhux ħati li hedded b’sikkina sewwieq tal-mutur wara inċident żgħir tat-traffiku.
Ir-raġel li għandu 44 sena tressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.
Huwa kien akkużat li hedded lis-sewwieq tal-mutur, li kien qed iġorr sikkina mingħajr il-liċenzja tal-Pulizija u b’sewqan perikoluż, fost oħrajn.
Kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ separat, li kien qed isuq bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni u li kiser curfew impost lilu mill-Qorti.
Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest waqt li saħqet li l-akkużat ma jafx lill-vittma u anke għax l-għada tal-inċident mar jirrapporta fl-għassa. Insistiet ukoll li l-vittma seta’ ttella’ jixhed illum stess għax l-allegat inċident dam biss madwar 5 minuti u ma jagħmilx sens u jkun “inġust” li l-akkużat jinżamm il-ħabs sas-seduta li jmiss.
Madanakollu, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest anke minħabba li l-akkużat għandu rekord kriminali u kien għadu kemm kiser il-kundizzjonijiet impostu fuqu mill-Qorti. Qalet ukoll li hemm aktar persuni x’jixhdu.
Il-Qorti ordnat li r-raġel jinżamm arrestat u ħeġġet lill-Prosekuzzjoni biex fis-seduta li jmiss ittella’ x-xhieda kollha.