15% inqas paga u aktar sigħat fl-ajru; Caruana b'kundizzjonijiet ġodda għall-bdoti tal-Air Malta

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ppreżenta pakkett ġdid għall-bdoti tal-Air Malta u jinsisti li dawn mhumiex negozjabbli jekk l-Air Malta trid issir vijabbli

Il-bdoti tal-linja nazzjonali tal-ajru ġew infurmati li se jkollhom jibdew itiru aktar sigħat u anke jaċċettaw 15% tnaqqis fil-paga jekk iridu jibqgħu jaħdmu mal-Air Malta.

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ppreżenta kundizzjonijiet ġodda għax-xogħol lill-Airline Pilots Association waqt laqgħa li saret nhar il-Ħamis li għadda.

Sorsi mis-settur tal-avjazzjoni, li tkellmu mal-MaltaToday, qalu li l-Ministru insista li l-bdoti jridu jagħżlu, jew dawn il-kundizzjonijiet jew inkella jitilqu.

Il-kundizzjonijiet ġodda jneħħu l-lingwa Maltija minn waħda mir-rekwiżiti meta jsir l-ingaġġ ta’ bdoti ġodda u dan jiftaħ il-bieb biex ikunu jistgħu jiġu impjegati anke bdoti barranin.

Il-pakkett il-ġdid ineħħi wkoll l-iskema ta’ irtirar kmieni li l-Ministru Caruana kemm-il darba kkritika. Il-bdoti li kienu qed jieħdu din l-iskema meta jkollhom 55 jew aktar, kienu qed jibqgħu jieħu żewġ terzi tal-paga sakemm jilħqu l-età tal-irtirar u dan minkejja li kinux ikunu għadhom qed jaħdmu. 

Il-bdoti preżenti ġew offruti din l-istess skema għall-aħħar darba u b’hekk jitilqu darba għal dejjem mil-linja nazzjonali tal-ajru, bil-kundizzjoni li ma jkunux jistgħu jerġgħu jaħdmu mal-Gvern. 

L-Air Malta għandha madwar 84 bdot, bil-MaltaToday tirrapporta kif it-tnaqqis ta' 15% fil-paga ifisser li l-bdoti se jirċievu madwar €20,000 inqas fis-sena.

Il-bdoti qed ikunu mitluba jżidu b’20% l-ħin li jtiru u dan bħala parti mill-pjan tal-Air Malta li timmasimizza l-użu tal-ajruplani tagħha. 

Meta mistoqsi dwar dan, il-Ministru Caruana kkonferma li saret il-laqgħa imma rrifjuta li jagħti d-dettalji. 

Qal biss li r-riformi li hemm bżonn huma "brutali" u l-kundizzjonijiet li qed ikunu proposti mhumiex negozjabbli. Fi kliemu, dan huwa importanti biex l-Air Malta tkun vijabbli.

Mistoqsi jekk hux se jippubblika d-dettalji, il-Ministru qal li l-pjan se jkun ippubblikat wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

Tenna l-impenn tal-Gvern li Malta jibqa' jkollha linja nazzjonali tal-ajru. 

More in Politika