L-AUM mhux se tkompli bl-appell dwar l-estensjoni tal-kampus f'Bormla

Fi stqarrija, l-Università Amerikana ta’ Malta qalet li aġġornat il-master plan infrastrutturali tagħha wara laqgħat estensivi inkluż mal-komunità u l-Gvern

L-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) waqqgħet l-appell li fetħet fl-2019 wara li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet irrifjutat l-applikazzjoni tagħha għall-estensjoni tal-kampus ta’ Bormla.

Fl-applikazzjoni, l-Università Amerikana riedet testendi l-kampus tagħha fil-parti tal-Baċir Numru 1 li tmur lura għal żmien il-Kavallieri u anke tibni dormitorju fi Pjazza San Pawl.

Id-deċiżjoni ma kienet niżlet tajjeb xejn mal-komunitajiet tal-madwar li kienu oġġezzjonaw.

Il-biċċa art fi Pjazza San Pawl kienet trasferita lura lill-Gvern bħala parti minn ftehim ġdid bejn iż-żewġ partijiet iffirmat f’Settembru. Bħala kumpens għal din l-art u anke dik taż-Żonqor (li wkoll telqet minn idha), l-Università Amerikana ingħatat art oħra fi Smart City.

Dan ifisser li kif inhuma l-affarijiet bħalissa, l-operat tal-AUM f’Bormla se jkun illimitat biss għal binja preżenti u li ilha tuża sa mill-2017.

Fi stqarrija, l-Università Amerikana qalet li aġġornat il-master plan infrastrutturali tagħha wara laqgħat estensivi inkluż mal-komunità u l-Gvern.

Filwaqt li kkonfermat li waqqgħet dan l-appell, l-AUM ma qalitx x’se tkun qed tagħmel bil-pjanijiet tagħha għall-imħażen ta’ żmien il-Kavallieri u l-madwar tagħhom. 

More in Politika