Roderick Cassar beda jgħid lill-Pulizija biex joqtluh; Ma riedx iħares lejn ir-ritratt ta' martu

Tibda l-kumpilazzjoni ta' evidenza kontra Roderick Cassar akkużat bil-femiċidju ta' martu Bernice Cassar; Pulizija jirrakkontaw kif Cassar riedhom jisparawlu għax ma riedx li jispiċċa l-ħabs

Roderick Cassar, ftit wara li allegatament qatel lil martu Bernice Cassar, ried joqtol lilu nnifsu, iżda ma wasalx jagħmel dan u beda jgħid lill-Pulizija biex jisparawlu għax ma xtaqx li jmur il-ħabs.

Dan ħareġ dalgħodu hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni kontrih. Cassar qed ikun akkużat bil-qtil ta' Bernice Cassar, li seħħ bħal-lum ġimgħa f'Raħal Ġdid. Roderick Cassar huwa l-ewwel persuna li ġiet akkużata wkoll b'femiċidju.

Fis-smigħ tal-lum xehdu diversi Spetturi u uffiċjali tal-Pulizija li waslu fuq il-post ftit wara li seħħ id-delitt. Spettur minnhom qal li għall-bidu, il-Pulizja ħasbu li kien sempliċiment inċident tat-traffiku li eskala ħafna, iżda mbagħad qraba u ħbieb tal-vittma bdew isemmu mal-Pulizija lil Cassar.

Fil-fatt, ħbieb ta' Bernice Cassar qalu lill-Pulizija li hi kienet qed tgħidilhom kemm qiegħed jagħmlilha ħajjitha diffiċli anke għax kienu fi proċess ta' separazzjoni.

Il-prijorità tal-Pulizija kienet li jkunu jafu jekk it-tfal humiex siguri

Il-Pulizija li xehdu qalu li l-ewwel prijorità għalihom kienet li jassiguraw li t-tfal huma siguri anke għax kellhom is-suspett li Cassar kien għadu armat. Eventwalment ikkonfermaw li t-tfal kienu għadhom l-iskola.

Bernice Cassar
Bernice Cassar

Xehdu kif Bernice Cassar instabet mejta ħdejn il-karozza tagħha u kellha żewġ tiri, wieħed f'wiċċha u l-ieħor f'sidirha. Kollox jindika li t-tiri ġew sparati minn viċin ħafna u li ntuża shotgun.

Qalu wkoll li Cassar ma sparax mill-ewwel. Huwa saq il-karozza tiegħu biex jimblokka l-karozza ta' martu, ħareġ u beda jiġġieled magħha. Qalu li kien vjolenti ħafna, qabel mar lura fil-karozza, qabad l-arma u spara. 

Dwar dan kollu, il-Pulizija ġabbret filmati minn kumpaniji li jinsabu viċin il-post fejn seħħ id-delitt. Dawn se jkunu qed jintwerew fil-Qorti f'seduti oħra. 

L-arrest ta' Cassar

Ix-xhieda tkellmu wkoll dwar kemm kien delikat l-arrest ta' Roderick Cassar. Qalu li ħu l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u anke tahom iċ-ċavetta tal-bieb tal-komun tal-appartament, iżda l-Pulizija kellha tispara lejn is-serratura biex tidħol fl-appartment ta' Cassar.

L-akkużat kien imsakkar fil-kamra tas-sodda, bix-xhieda jgħidu li meta ħareġ, kien għadu qed iġorr l-arma tan-nar imma deher imbeżża' ħafna. 

Il-Pulizija spjegaw ukoll li damu ma arrestaw lil Cassar għax ġaladarba ma kellu l-ebda ostaġġ miegħu setgħu jkellmuh bil-kalma bil-għan li ħadd ma jweġġa'.

Eventwalment huwa ttieħed Mater Dei u kien iċċertifikat li jinsab f'kundizzjoni ta' saħħa fiżika u mentali tajba. Meta ħareġ mill-isptar, ittieħed mill-ewwel id-Depot u reġa' kien eżaminat mill-Psikjatra Beppe Micallef Trigonana li kkonferma li jista' jkun interrogat.

Ma riedx iħares lejn ir-ritratt ta' Bernice

Mix-xhieda ħareġ ukoll li waqt l-interrogazzjoni, meta l-Pulizija urewh ir-ritratt ta' martu, Cassar ma riedx iħares lejn ir-ritratt.

Waqt l-interrogazzjoni hu qal li jiddispjaċih għal dak li ġralha iżda fl-ebda ħin ma wera l-ebda rimors jew emozzjoni. 

Huwa beka biss meta kien mistoqsi dwar it-tfal.

Il-kumpilazzjoni se tkompli f'Diċembru

More in Politika