'Ma kienx hemm fiduċja fija... spiċċajt naħdem aktar f'sitwazzjoni a là Big Brother'

Ix-xogħol mid-dar: Idea tajba jew realtà li twassal għall-iżolament u d-dipressjoni? Kif ħassewhom bosta ħaddiema meta kellhom jaħdmu mid-dar? U xi problemi ħabbtu wiċċhom magħhom dawk li jaħdmu fil-maniġment? L-ILLUM tanalizza studju dwar ir-remote working...

"Ma kienx hemm fiduċja. Spiċċajt naħdem aktar u dejjem taħt ħafna dubju. Il-maniġer spiċċa jikkontrolla aktar mis-soltu u kollox wassal għal sitwazzjoni a là Big Brother."

Hekk sostniet persuna li pparteċipat fi studju illi ta ħarsa lejn ix-xogħol mid-dar - dak li huwa popolarment aktar magħruf bħala teleworking jew remote working - waqt l-ewwel sena tal-pandemija Covid-19, pero' anke - fejn applikabbli - qabel. 

L-istampa li toħroġ minn dan l-istudju - 'Remote Workers' Percieved Health during Covid-19' ta' Luke Anthony Fiorini - li ħares lejn is-sitwazzjoni tal-impjegati fl-oqsma tal-IT u l-komunikazzjoni hija waħda mħallta, bejn dawk li jħossu illi x-xogħol mid-dar għenhom jkunu aktar produttivi jew li saħansitra għenhom f'termini ta' saħħa mentali u parteċipanti oħrajn li ħassew illi x-xogħol mid-dar ħalla impatt psikoloġiku negattiv fuqhom. 

Fost il-problemi jew l-isfidi li wħud semmew kien hemm propju l-ammont ta' xogħol li kellhom jagħmlu ladarba kienu qed joperaw mid-dar. Fost dawk li qalu illi waqt il-pandemija batew aktar minn aspett ta' saħħa mentali kien hemm persuni f'livelli ta' maniġment li qalu illi sabu diffikultà biex imexxu lit-tim tagħhom remotament. Huma qalu li sabu diffikultà biex jevalwaw il-ħidma tal-impjegati tagħhom kif ukoll li sabuha diffiċli sabiex iżommu ruħhom aġġornati mal-bidliet kontinwi fir-regolamenti marbutin mal-Covid.

Minn naħa l-oħra, l-impjegati li pparteċipaw f'dan l-istudju ta' Fiorini kellhom jiffaċċjaw ukoll ċerti sfidi, fosthom kif ix-xogħol - għal diversi raġunijiet - żdied mhux naqas mhux l-inqas għaliex kien hemm l-idea illi ladarba qegħdin id-dar dawn huma dejjem disposti biex jaħdmu. Qalu wkoll li minħabba li ma kienx hemm interazzjoni fiżika ġieli kien aktar diffiċli li jkun determinat kif trid issir biċċa xogħol, filwaqt li - kif qalet il-persuna li kkwotajna fil-bidu tal-artiklu - kien hemm problema wkoll ta' Maniġers li setgħu kienu l-għerq ta' stress u żieda fl-ammont ta' xogħol. Fil-fatt persuna oħra qalet illi x-xogħol mid-dar kien ifisser ħidma sa tard bil-lejl. 

Aktar alkoħol... Imma inqas ħin fit-traffiku

Suġġett li tqajjem diversi drabi kienet is-saħħa fiżika. Fil-fatt ir-rapport jgħid li kienu ammont kbir ta' parteċipanti li semmew is-saħħa, b'bosta jgħidu li din marret lura għal diversi raġunijiet, fosthom il-ħajja sedentarja li ħafna kienu qed jgħixu. U din ħassewha bosta żgur, inkluż ħafna li qed jaqraw dan ir-rapport. Filli qed tmur timxi, tiċċaqlaq, tmur l-uffiċċju u tiltaqa' man-nies filli f'daqqa waħda bosta sabu ruħhom jaħdmu mid-dar u jiċċaqilqu mill-inqas, għajr minn kamra għal oħra fid-dar stess. 

"Iktar xogħol mid-dar fisser aktar ħin quddiem il-kompjuter u inqas moviment," kien hemm min qal, filwaqt li oħrajn fakkru illi lanqas sal-gym ma setgħu jmorru.

Dan allura fisser illi dan l-istudju kien qed iħares lejn ix-xogħol mid-dar, meta persuna ma setgħetx tattendi attivitajiet sportivi jew inkella ta' divertiment lilhinn mid-dar u allura kif jgħid l-istudju stess mhux neċessarjament hemm rabta bejn ix-xogħol mid-dar u deterjorament fis-saħħa mentali ta' persuna. 

Kien hemm ukoll iżda minn semma' l-fatt illi r-realtà ta' aktar ħin id-dar kien qed iwassal għal aktar ikkunsmar ta' kafè, alkoħol u sigaretti filwaqt li oħrajn bdew jieklu aktar minn normal. 

Iżda mhux kulħadd esprima veduta negattiva dwar il-ħidma mid-dar u l-effetti ta' dan fuq is-saħħa. Fil-fatt kien hemm min qal li l-fatt li kull filgħodu ma kellhomx għaliex jispiċċaw jeħlu għal ħafna ħin fit-traffiku, jew jiffaċċjaw il-frustrazzjoni ta' ħafna ħin jippruvaw jsibu parkeġġ kienet xi ħaġa pożittiva

Oħrajn qalu illi l-fatt li kienu aktar id-dar fisser li kellhom aktar ħin flessibbli, sabiex isajru b'mod aktar san, u allura aktar nies setgħu jieklu ikel frisk id-dar. 

Oħrajn iżda qalu illi x-xogħol mid-dar fisser żieda konsiderevoli fil-piż.

Bejn l-inċertezza u n-nuqqas ta' mard komuni trażmess fl-uffiċċju

Naturalment il-ħin li qattgħu diversi ħaddiema lilhinn mill-uffiċċju u allura 'l bogħod mill-kollegi irriżulta biex ħafna nies li pparteċipaw f'dan l-istudju qalu illi l-ewwel sena ta' ħidma mid-dar, waqt il-pandemija, tefgħet pressjoni kbira fuqhom, fosthom billi ħassewhom imdejqin, dipressati u anke waħedhom, filwaqt li oħrajn batew sens ta' ansjetà u inċertezza. 

"Esperjenzajt aktar ansjetà minħabba l-inċertezza tal-pandemija u anke minħabba l-fatt li ma stajniex nissoċjalizzaw mal-ħbieb, li huma parti importanti minn network ta' għajnuna f'mumenti ta' stress," qal parteċipant f'dan l-istudju. Parteċipant ieħor li kien qed jaħdem kompletament mid-dar sostna illi l-fatt li mhux qed ikun madwar il-kollegi tiegħu qed taffetwah b'mod negattiv. 

Imma anke hawn, kien hemm min kellu esperjenza differenti u apparti problemi biex tasal ix-xogħol jew traffiku qal illi mid-dar ħadem ħafna aħjar. "Jiena ma esperjenzajtx għejja mentali li ġeneralment jġib miegħu uffiċċju miftuħ mimli karattri bi bżonnijiet differenti," qal wieħed mill-parteċipanti. 

Dawk li pparteċipaw u kienu Għawdxin kienu l-iktar li semmew il-problema ta' trasport lejn l-uffiċċju u qalu li allura xogħol mid-dar għen għal tranżizzjoni aħjar mil-ħin tax-xogħol għall-ħin personali tagħhom. 

Oħrajn semmew il-mard, komuni ħafna mhux biss waqt il-pandemija imma anke matul dan iż-żmien tas-sena meta t-temp jibda jiksaħ xi ftit u allura jiżdiedu l-irjiħat. Bosta semmew il-fatt li ħelsuha, mill-ħafna mard komuni ta' dan iż-żmien għax ma kinux fl-uffiċċju ħdejn xi ħadd li forsi kontinwament ikun qed jisgħol jew jagħtas, minflok ħadha sick u qagħad id-dar!

 

Ix-xogħol mid-dar jista' jkun pożittiv, iżda...

Minkejja dan kollu, l-istudju juri kif il-maġġoranza assoluta ta' dawk li pparteċipaw - jew 469 persuna - xorta jqisu li matul dan il-perjodu kienu fi stat tajjeb (38.6%) jew tajjeb ħafna (30.1%) ta' saħħa, iżda kienu 32.9%  - kważi terz - ta' dawk li pparteċipaw f'dan l-istudju u li qalu illi saħħithom marret lura fil-perjodu in kwistjoni, kuntrarjament għat-23.1% li qalu illi saħħithom marret għall-aħjar.

Ir-rapport ta' Fiorini jgħid illi dawn ir-riżultati u esperjenzi juru illi x-xogħol mid-dar "jista' jkun pożittiv" imma li dan jiddependi mill-ħaddiem innifsu u kemm se juża il-ħin tiegħu għal-attivitajiet u atteġjament san. Fi ftit kliem, per eżempju persuna taħdem mid-dar imma imbagħad tissoċjalizza mal-ħbieb, tieħu sehem f'attivtajiet fiżiċi kif ukoll tkun attenta x'tiekol. Jew inkella persuna li taħdem mid-dar, ma tissoċjalizzax u ma żżommx kuntatt mal-ħbieb, filwaqt li tikkonsma ammont kbir ta' alkoħol jew ikel li mhux san.  

Ir-rapport jgħid ukoll li waqt li x'tagħmel il-persuna huwa importanti, daqstant ieħor huwa kruċjali l-ambjent fid-dar u kemm persuna għandha l-appoġġ neċessarju biex tkun tista' taħdem mid-dar, permezz ta' infrastruttura bażika u anke servizzi fejn ikun hemm bżonn - inkluż dawk li jgħinu ħaddiema li jista' jkollhom sifidi ta' saħħa mentali. 

Fiorini jikkonkludi billi jgħid li minkejja illi r-remote working jista' jkun pożittiv, biex ikun suċċess u biex ma jwassalx għal detriment ta' saħħet l-impjegati u anke maniġment jeħtieġ li jkun hemm l-appoġġ tal-organizzazzjoni, politiki tad-dritt ta' skonnessjoni u miżuri li jgħinu lil dawk li qed jaħdmu mid-dar u għandhom tfal żgħar. 

More in Politika