Intervista | 'F'Malta ma għandniex bżonn lemin estrem. Għandna lill-PN u lill-PL li fil-Gvern jadottaw l-estrem'

F'intervista bla kantuniera Aleks Farrugia jitkellem dwar ir-relazzjoni ta' mħabba u mibgħeda bejn il-malti u l-immigrant, fuq l-importanza li mexxej ikollu min jikkritikah u kif il-Partit Laburista qatt ma kien anti-kapitalista, lanqas fi żmien Mintoff

jgħidu li s-suwed dardrulna pajjiż imma mbagħad lill-iswed tiegħi li jagħmili x-xirja, li jagħmilli biċċa xogħol id-dar u jieħu ftit biss fi ħlas dak champion. Dak ara ma tmissux!
jgħidu li s-suwed dardrulna pajjiż imma mbagħad lill-iswed tiegħi li jagħmili x-xirja, li jagħmilli biċċa xogħol id-dar u jieħu ftit biss fi ħlas dak champion. Dak ara ma tmissux!"

F'intervista estenisiva mal-gazzetta ILLUM l-awtur u eks-Editur Aleks Farrugia jitkellem dwar diversi temi, fosthom l-ambjent, il-korruzzjoni, il-politika u l-midja.

Ara hawnhekk l-ewwel parti ta' din l-intervista li trattat it-temi tal-ambjent, il-politika ta' patrunaġġ u l-kiteb li għadu kemm ippubblika, ir-Re Borġ. 

Borg Olivier, Dom Mintoff, Eddie Fenech Adami u Joseph Muscat u l-politiċi "allat"

Farrugia kien Editur tal-gazzetta it-Torċa u ġej minn familja fejn il-missier kien ħaddiem tat-Tarzna. Mela mhux biss Farrugia għandu opinjoni politika, pero' għandu opinjoni u għarfien ċar tal-istorja tal-Moviment tal-Ħaddiema - li jinkorpora prinċipalment lill-Partit Laburista u anke lill-General Workers' Union.

Nibdew bl-idea tal-kult tal-persuna. Kellna lil Dom Mintoff, Eddie Fenech Adami u riċentement lil Joseph Muscat - ilkoll meqjusin kważi allat żgħar. Kemm se ndumu nirrigwardaw lill-politiċi qishom xi allat f'dan il-pajjiż? 

Uħud mill-Prim Ministri ta' Malta
Uħud mill-Prim Ministri ta' Malta

Farrugia mill-ewwel jirrispondi billi jfakkar li din mhux xi ħaġa ta' Malta u jfakkar f'Donald Trump. 

Imma l-ILLUM terġa' tistaqsi: Hu min hu, jew issir fejn issir, ma jħossx li din l-adulazzjoni lejn politiku twassal biss biex tipperpetwa l-injoranza?

Huwa qal li lilu, aktar jinkwetah il-fatt li ħafna drabi dak il-politiku li jdawwar lilu nnifsu b'dawk in-nies li jinċensawh ħafna drabi ma jibqax jara u jibda t-triq għal waqa'. 

"Politiku tajjeb irid ikollu nukkleu ta' nies li lesti jsawwtuh fuq kull ħaġa li jagħmel għax dawn in-nies qed iġiegħluh jaħseb qabel jaġixxi.

Għax għal kull azzjoni hemm konsegwenza u deċiżjoni ħażina, dejjem tiġi lura biex tigdmek," saħaq Farrugia mal-ILLUM. 
L-eks Editur kompla jgħid illi "kull min iħobb partit, moviment jew politiku irid ikun kritiku. Ma tistax tgħid għax dak il-leader mela infallibbli."

Imma l-ILLUM tirrimarka illi din l-idea għadha komuni, jekk mhux dominanti wkoll. 

Huwa jaqbel mal-"komuni" imma mhux daqstant mal-użu tal-aġġettiv "dominanti" u jgħid li din l-idea tonqos u tiżdied, skont iż-żmien. Jgħid li bħalissa fil-fatt naqqset, bl-ILLUM tirrimarka illi dan ġara propju għax Muscat ma baqax Mexxej Laburista imma - mhux neċessarjament għax in-nies iħossu li għandhom "jaduraw" inqas lill-politiku.

Huwa kompla jgħid li għad hawn nies li lil mexxej politiku jridu jfaħħruh biss u min jikkritika għalihom huwa "traditur". Filwaqt li jgħid illi din hija mentalità miskina sostna wkoll li din hija mentalità prevalenti f'soċjetà bħal dik Maltija "fejn ma hemmx stimolu biex wieħed ikun kritiku."

Fuq dan il-punt huwa reġa' sostna li l-kritika mhux biss hija tajba imma hija wkoll kruċjali għax turi li hemm alternattiva għal mod kif qed isiru l-affarijiet u anke għat-tajjeb tal-partit u l-mexxej innifsu. 

Il-PN/PL u l-Knisja... Il-kompassjoni vs. It-tradizzjoni istituzzjonali

U la qbadniha fuq il-politika, nistgħu ma nsemmux il-Knisja? Il-Knisja jidher li naqqset sew mis-saħħa "politika" li għandha li tikkonvinċi lin-nies fuq aspetti morali jew fuq aspetti ta' kif in-nies jgħixu ħajjithom, imma xorta għad għandha saħħa fil-komunitajiet u f'aspetti oħrajn, ma jaqbilx? 

"Iva ma' ċerta sezzjoni ta' nies..."

L-ILLUM twaqqaf lil Aleks u tirrimarka kif din is-sezzjoni tinkludi nies li vvutaw favur drittijiet ċivili bħad-divorzju, li ma ddejqu xejn jivvutaw lill-Partit Laburista meta dan wiegħed Unjoni Ċivili bejn koppji tal-istess sess jew li xorta saħansitra appoġġjaw bil-qawwi lil Dom Mintoff fiż-żmien tal-interdett. Imma li mbagħad xorta jqisu lill-Knisja u l-ħajja parrokkjali bħala waħda importanti. Kif jispjegaha din?

Huwa jwieġeb billi jħares lejn l-għeruq proprji tal-Partit Laburista li jgħid illi mhu veru xejn li huma d-dixxidenti tas-soċjaliżmu ewropew, imma li huma influwenzati ħafna aktar mil-Laburiżmu Brittanniku. "Il-Partit Laburista qatt ma kien anti-kapitalista, lanqas fi żmien Mintoff."

Huwa jkompli jispjega illi aktar minn kollox il-Partit Laburista dejjem kellu l-idea ta' ġustizzja soċjali li tagħmel tajjeb għad-differenza ta' bejn min għandu u min le. 

"Filwaqt li l-Partit Laburista huwa iktar "protestant" fis-sens li jmur aktar għall-kelma tal-evanġelju "kont bil-ġuħ u tmajtni..." - per eżempju - il-PN dejjem kellu rabta iktar istituzzjonali mal-Knisja. Jiġifieri l-PN u l-PL kellhom u għandhom l-istess aspirazzjonijiet kristjani imma valuri differenti, tal-kompassjoni versus it-tradizzjoni istituzzjonali."

'L-umanità titraxxendi l-preġudizzju'

Farrugia mill-ewwel jisfida l-idea tradizzjonalista u jsemmi d-drittijiet LGBTIQ u jerġa' jmur lura għar-Re Borg. "Mikiel Borg għandu tifla li hija liżbjana. Ġurnalista tistaqsih kif ħadha u jgħidilha illi hu ra biss x'jagħmel lil bintu kuntenta."

"Illum ħafna nies tgħallmu - aktar minn qatt qabel sabiex japprezzaw il-valur tal-bniedem, lilhinn mill-orjentazzjoni sesswali jew it-twemmin tiegħu. L-impożizzjoni tal-Gvern Laburista ta' Joseph Muscat li permezz tagħha daħħal l-Unjoni Ċivili imbagħad iż-żwieġ ugwali, għenet ħafna biex seħħew il-bidliet meħtieġa."

L-ILLUM tfakkar ukoll li dawn il-bidliet kbar, kienu milqugħin bi ftit li xejn reżistenza, minkejja li ftit biss qabel ma bdew jiddaħħlu ħafna lanqas kienu jimmaġinaw li se jsiru. Illum - tmien snin wara - Il-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista u l-ADPD mhux biss jaqblu mal-bidliet leġiżlattivi, talli jwegħdu li jsostnuhom.

Xampanja u ċelebrazzjoni .... għaddew ħames snin
Xampanja u ċelebrazzjoni .... għaddew ħames snin

Huwa wieġeb billi qal li n-nies tgħallmu maż-żmien li persuna LGBTIQ tista' tkun ħuk, ibnek, il-ġar tiegħek... "u jekk inti tara lil bniedem bħala bniedem, lilhinn mill-preġudizzju jista' jkun dik il-persuna li tgħidlek bonġu, li ħassek ħass ħażin u ġiet tgħinek hija persuna LGBTIQ. L-umanità titraxxendi l-preġudizzju." 

'F'Malta ma hawnx bżonn ta' lemin estrem... għandna lill-PN u l-PL'

U eżatt ma' dan il-punt isemmi persuni ta' ġilda skura. U pront il-gazzetta ILLUM twaqqfu hemm. 

Semmejna s-saħħa taż-żewġ partiti u ħafna jsemmu il-ħażin tal-partitokrazija. Imma s-saħħa taż-żewġ partiti ma fihiex tajjeb ukoll? Mhux grazzi għal din is-saħħa li f'pajjiżna qatt ma refa' rasu l-lemin estrem?

Farrugia mhux impressjonat b'dan, għax jisħaq li dan ma ġarax mhux għaliex il-poplu rriġetta l-lemin estrem, imma għax kemm il-PN u anke l-PL adottaw l-estrem huma stess meta kienu fil-Gvern. "Il-PN meta kienu fil-Gvern bagħtu arjuplan Eritreani lura pajjiżhom li wħud minnhom sfaw maqtula filwaqt li l-Labour iħallihom jgħerqu. Allura ma hemmx bżonn l-lemin estrem. Il-Gvernijiet tagħna mhumiex differenti minn ta' Meloni fl-Italja ta..."

Huwa jgħid ukoll iżda li hemm kontradizzjoni partikolari ta' dik li jsejjħilha "l-iswed tiegħi... Dak li jġorrli x-xirja "miskin", dak li jagħmilli biċċa xogħol "miskin"... għax inħobbu nużaw il-kelma miskin. Għax din hija l-kontradizzjoni, jgħidu li s-suwed dardrulna pajjiż imma mbagħad lill-iswed tiegħi li jagħmili x-xirja, li jagħmilli biċċa xogħol id-dar u jieħu ftit biss fi ħlas dak champion. Dak ara ma tmissux!"

L-istess jgħid li huwa l-każ tas-Sirjani. "L-ewwel ngħidu għax tar-rispett u jaħdem fil-ħin u jagħmel xogħol tajjeb u aħjar mill-Malti - imma mbagħad jekk se tgħid hekk toqgħodx tgħid kontrihom fl-istess ħin."

Huwa qal li llum lanqas l-argument li qed jeħdulna xogħolna l-barranin ma għadu jreġi, għax ħafna mill-barranin qegħdin f'impjiegi li ma hemmx biżżejjed ħaddiema għalihom. 

"Huwa l-preġudizzju li joħloq l-injoranza u hija s-segregazzjoni ukoll li toħloq l-injoranza," qal Farrugia li sostna wkoll li din mhix realtà ta' Malta biss.

Għada fuq is-sit illum.com.mt ikun ippubblikat it-tielet parti tal-intervista ma' Farrugia li titratta il-mistoqsija: Imma, verament qed ngħixu aħjar illum?

More in Politika