Intervista | 'Fl-ambjent aħna bqajna poplu injorant għax l-ambjent ta' hemm barra ma nħossux li huwa tagħna'

Il-kritika lejn is-sistema politika, il-politika tal-Patrun u l-patrunaġġ, l-għażla li rridu nagħmlu fuq il-korruzzjoni, ir-relazzjoni tagħna l-Maltin mal-ambjent u r-Re Borg. L-awtur, opinjonista u eks Editur Aleks Farrugia jitkellem mal-illum.com.mt

Aleks Farrugia jappella: Tarmix fil-kampanja! Tkunx injorant...
Aleks Farrugia jappella: Tarmix fil-kampanja! Tkunx injorant...

Inti xbajt mis-sistema politika Maltija? Inti taħseb li quddiem l-istituzzjonijiet m'int xejn ħlief numru? M'intix waħdek. Mikiel Borg bħalek xeba' u beda partit ġdid indipendenti, sejjaħ corner meeting - à là antika, li indirizza minn fuq Mitsubishi ta' lewn blu u li vera ma kienx suċċess - sakemm dan l-istess corner meeting tpoġġa fuq il-midja soċjali u beda jdur u jarawh ħafna u ħafna nies. Minn hemmhekk Mikiel sab l-appoġġ ta' Manager tal-Marketing u ta' avukat makkak. Huma jridu jibnu sistema politika Monarkika, għax jisħqu li s-sistema ta' demokrazija repubblikana - tal-voti għall-pjaċiri u l-ħokkli dahari, biex inħokk tiegħek -  falliet!

Imma tgħiduli dan Mikiel min hu? Ħadd ħlief il-karattru ewlieni fil-ktieb Ir-Re Borg tal-awtur u eks Editur Aleks Farrugia.

L-ILLUM tistaqsi jekk il-ktieb ta' finzjoni politika li għadu kemm ħareġ hux riflessjoni tal-ħsibijiet tiegħu fuq is-sistema politika bħalissa. 
Farrugia qal li l-kritika hija fuq diversi livelli fil-ktieb, kemm jekk f'dak li huwa umoristiku u anke jekk huwa fil-partijiet tal-ktieb illi huma traġiċi. 

"Il-kritika hija lejn is-sistema politika imma anke lejn is-soċjetà... Xi kultant aktar faċli li nippuntaw subgħajna lejn l-istituzzjonijiet imma l-istess ambjent u l-istess klima li toħloq is-sistema politika nużawhom għall-konvenjenza tagħna," qal Farrugia.

'Politiku jġib ruħu ta' patrun għax hemm min irid il-patrunaġġ'

Huwa qal illi jekk teżisti l-korruzzjoni u n-nepotiżmu dawn jeżistu għax hemm min jaqbillu bil-korruzzjoni, nepotiżmu u klijenteliżmu "u jekk il-politiku jpoġġu lilu nnifsu bħala l-patrun, dan jagħmlu għax hemm min irid dak il-patrunaġġ." 

Ikun hemm min jgħid iżda li din il-politika qed tieħu s-sopravvent bħalissa għax il-pajjiż mhux iffaċċjat minn kwistjonijiet ta' natura kontroversjali jew kruċjali bħall-kwistjoni tal-lingwa, il-kwistjoni politiko-reliġjuża, l-indipendenza jew id-dħul ta' Malta fl-UE. Allura la ma hemmx deċiżjonijiet straordinarji ta' dan it-tip jirrenja aktar is-sens individwalista. X'jaħseb?

Sakemm il-ġustizzja u r-rule of law jiġġebbdu għax jekk naqla' multa u forsi xi ħadd jista' jaħfirieli, aħjar. Jew jekk xi ħadd jista' jqabbeż lil ommi il-kju biex tidħol f'dar tal-anzjani aħjar hux - imbagħad lid-driver tal-Ministru, li forsi għenni, nagħtih xi flixkun xi ħaġa Aleks Farrugia

Farrugia wieġeb billi fakkar illi din is-sistema ma ġietx ivvintata llum imma tmur lura għall-bidu tas-seklu 20 meta Malta kienet kolonja, meta l-kolonizzatur kellu jaċċetta li jagħtina Parlament, imma mhux wieħed b'saħħtu - u allura bqajna niddependu miċ-ċejċa li kien jitfa' l-ħakkiem. Dan apparti li jisħaq li hemm karatteristiċi tan-nofsinhar tal-ewropa, li jagħmlu s-sistema ta' patrunaġġ u dik korrotta iktar parti mill-kultura. "Aħna nagħmlu negozju ma' kulħadd, anke ma' Alla. Nitolbu lil Alla jaqlgħalna xi grazzja u aħna nagħtuh xi ħaġa lura."

Jiġifieri qed jgħid li għandna sempliċiment naċċettaw il-korruzzjoni u niġġustifikawha?

"Jiena li qed ngħid huwa kif aħna magħġunin. Issa rridu niddeċiedu jekk kif aħna magħġunin aħnix qed nimxu 'il quddiem jew irridux inbiddlu l-għaġna tagħna. Imma jekk irridu nbiddlu l-għaġna tagħna, trid tkun bidla vera u mhux superfiċjali," qal mal-ILLUM Farrugia. 

U kif inhi din il-bidla mela, li qed isemmi biex ma tkunx superfiċjali?

Aleks Farrugia mil-ewwel jibda billi jisħaq li jekk persuna tgerger u tilmenta li Ministru huwa korrott, mhux imbagħad tmur għand il-Ministru għall-għajnuna, per eżempju. 

Huwa jerġa' jagħmel referenza għall-ktieb li għadu kif ħareġ - Ir-Re Borg - u jgħid li fih jisħaq li aħna rridu s-saltna tad-dritt u l-ġustizzja, "sakemm il-ġustizzja u r-rule of law jiġġebbdu għax jekk naqla' multa u forsi xi ħadd jista' jaħfirieli, aħjar. Jew jekk xi ħadd jista' jqabbeż lil ommi il-kju biex tidħol f'dar tal-anzjani aħjar hux - imbagħad lid-driver tal-Ministru, li forsi għenni, nagħtih xi flixkun xi ħaġa. Jekk mhux se nammettu li din hija l-ħajja tagħna, inkunu qed nidħku bina infusna," sostna l-awtur. Huwa qal li ġeneralment allura nagħmlu l-aktar ħaġa komda li tista' tagħmel, "ingergru. Għalina l-libertà tal-espressjoni hija li ngergru." 

'Ma tgħallimniex li din hija l-art tagħna u għadna naħsbu li din l-art hija ta' min jaħkimna'

U jekk hawn tgergir popolari bħalissa żgur huwa dwar l-ambjent. Forsi aktar minn qatt qabel, jew għallinqas dik hija l-perċezzjoni. Imma jaħseb li anke fuq l-ambjent ir-raġunar huwa favur il-protezzjoni tan-natura u l-karatteristiċi urbani Maltin, "sakemm ma jkollix bżonn permess jiena"?

Farrugia jibda billi jistaqsi mistoqsija rettorika: "Min qed ibiegħ dawn id-djar biex jitwaqqgħu? Dawn id-djar tas-70ijiet u 80ijiet - kbar b'xi tliet kmamar tas-sodda u żewġ kmamar tal-banju? Huma ċittadini normali li qed ibigħuhom," beda l-argument tiegħu Farrugia. Huwa iżda mill-ewwel dawwar ħarstu fuq l-awtoritajiet ukoll.

Jekk tmur post sabiħ ta' ġmiel naturali - minn dak li għad fadal - bħall-Park tal-Majjistral, per eżempju, u jkollok karta u tarmiha mal-art, inti injorant. Ma hemmx fejn iddur magħha. Injorant! Aleks Farrugia

Farrugia fil-fatt qal li dan ma jeżonerax lill-awtoritajiet milli jeżerċitaw id-dritt li jiddeċiedu fejn bini jista' - per eżempju - jitla' żewġ sulari biss, jew li pjanti "koroh li jitressqu jirriġettawhom għax l-estetika ma tkunx taqbel mal-bqija tat-triq." 

Huwa qal ukoll li xogħol l-awtoritajiet huwa li joħolqu u jipproteġu l-ispazji miftuħa u hawnhekk jiftaħ bħal parenteżi li jispeċifika illi bi spazji miftuħa qed ifisser spazju li jitħalla u jiġi protett fl-istat salvaġġ , "u mhux bilfors irridu nagħmlu bandli jew inkella l-bankijiet."

L-ILLUM tistaqsi: Aħna poplu li nibżgħu mill-vojt tan-natura u tal-ispazju miftuħ? 

Huwa jirrispondi billi jgħid illi aħna ma tgħallimniex li din hija l-art tagħna u għadna naħsbu li din l-art hija ta' min jaħkimna, "tal-Gvern u mhux tagħna." 

Huwa kompla jgħid iżda li aħna bħala poplu ma għandniex apprezzament ta' dak li mhux minsus mill-bniedem. "Jekk hemm ġnien irid ikun pulit, formalizzat, magħluq bil-ħitan - dak mhux ambjent. Huwa parti mill- ambjent, iva, imma ambjent urban. Aħna l-ambjent naturali għandna bżonn." 

Farrugia - ċarament ippassjonat u rrabjat fl-istess ħin fuq dan is-suġġett ikompli: "Fejn jidħol l-ambjent aħna poplu injorant għax dak l-ambjent ta' hemm barra ma nħossux li huwa tagħna." 

"Jekk tmur post sabiħ ta' ġmiel naturali - minn dak li għad fadal - bħall-Park tal-Majjistral, per eżempju, u jkollok karta u tarmiha mal-art, inti injorant. Ma hemmx fejn iddur magħha. Injorant!" 

Huwa qal li għalhekk hemm bżonn ta' aktar rangers u gwardjani tal-ambjent. 

Minkejja din il-kritika qawwija - awto-kritika lejn pajjiżu stess, li bħalha tant għandna bżonn u tant ma nagħmlux minħabba dak li f'moħħna nifhmu bħala 'patrijottiżmu' - Farrugia jammetti li progress sar u jisħaq li l-akbar suċċess kienet u tibqa' il-kampanja 'Xummiemu' li qal illi għallmet ħafna lill-poplu biex jirrispetta l-ambjent. 

"Jiena vera inħoss sens ta' ħtija kieku narmi barra. Trid tkun vera egoist li tħassar l-ambjent, per eżempju tmur BBQ u tħalli l-faħam jiġri fuq ir-ramel. Naddaf warajk, ħalli kif gawdejtu int post, igawduh ta' warajk, Tkunx salvaġġ!"

Għada fuq is-sit illum.com.mt nippubblikaw il-parti tal-intervista ma' Farrugia li fiha jitkellem dwar il-politiċi allat, ir-relazzjoni tal-Knisja mal-PN u l-PL u l-immigrazzjoni

More in Politika