Jisħqu li l-fabbrika tar-riċiklaġġ tat-tonn f’Birżebbuġa għandha titwaqqaf minħabba 'rwejjaħ insapportabbli'

L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa u anke l-Moviment Graffitti kitbu lill-Ministru Miriam Dalli u Silvio Schembri dwar l-inkonvenjenzi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti ta' Birżebbuġa

Ritratt ta' Aquaculture Resources Ltd
Ritratt ta' Aquaculture Resources Ltd

L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa u anke l-Moviment Graffitti qed isejħu għas-sospensjoni immedjata tal-operazzjonijiet tal-fabbrika tar-riċiklaġġ tat-tonn f’Birżebbuġa.

F’ittra konġunta, lill-Ministru Miriam Dalli u anke lill-Ministru Silvio Schembri, iż-żewġ għaqdiet spjegaw l-inkonvenjenzi kbar li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti u l-ħaddiema fl-inħawi diversi ta’ Birżebbuġa, Bengħisa u Ħal Far, minħabba l-irwejjaħ u d-drenaġġ li qed tarmi l-fabbrika.

Aquaculture Resources Ltd tipproċessa l-fdalijiet tat-tonn f’Ħal Far.

“F’diversi okkażjonijiet fil-jiem li għaddew, it-toroq spiċċaw saħansitra mgħarrqa bl-iskart tal-ħut u l-madwar imtela’ bi rwejjaħ tal-biża’. Dawn l-irwejjaħ kienu ineżistenti fl-inħawi kollha ta’ Birżebbuġa u l-madwar sakemm bdiet topera din il-fabbrika,” qalu l-għaqdiet.

Filwaqt li qalu li japprezzaw l-isforzi tal-Kunsill biex tinstab soluzzjoni għal din il-problema, huma  jinsistu li l-azzjonijiet li ttieħdu mill-awtoritajiet mhux se jsolvu din il-problema.

Għalhekk f’din l-ittra talbu għas-sospensjoni tal-operat tal-fabbrika u saħqu li għandha terġa’ tibda topera biss meta u jekk ikun żgurat li mhux se tibqa’ tħalli l-irwejjaħ li qed tipproduċi bħalissa.

L-għaqdiet qalu wkoll li l-qligħ tal-industrija tat-tonn qatt m’għandu jitpoġġa qabel is-saħħa u l-ambjent. 

Huma wissew li jekk din it-talba sempliċi u ta’ sens komun ma tingħatax widen, se jkollhom jieħdu azzjonijiet oħra sabiex jaraw li s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu jingħataw il-prijorità li tistħoqqilhom.

More in Politika